Il-gazzetta MaltaToday qed tirrapporta li l-Uffiċjal Amministrattiv (Provost) tal-Università Amerikana John Ryder naqas li jikkummenta dwar it-tkeċċija ta' akkademiċi mill-Università u li s-semestru l-ġdid fl-AUM se jibqa’ għaddej kif ippjanat.
Ryder qal li l-AUM irċeviet pagamenti tad-depożitu mill-istudenti, li qed jistennew li jibdew l-istudji tagħhom fil-15 ta’ Jannar. Mal-gazzetta iżda naqas li jgħid kemm huwa l-ammont tal-istudenti li jattendu l-Università.
L-Università Amerikana fetħet il-bibien tagħha f’Ottubru tas-sena li għadiet bi 23 student meta kien hemm il-ħsieb li jattendu 300. L-AUM qed tbassar li tibda s-sena akkademika l-ġdida bin-nofs b’150 student.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, 12-il akkademiku u ħaddiema fl-AUM tkeċċew b’imejl minħabba dak li qed ikun irrappurtat fil-midja bħala problemi finanzjarji għall-Università. Fl-AUM fil-preżent hemm 15-il student meta sa ftit tax-xhur ilu kien hemm 23.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li m’hemmx bżonn li tingħata l-art fiż-Żonqor lill-AUM meta hemm biss 15-il student u sakemm il-Gvern mhux se jippermetti li dan isir proġett spekulattiv. Għal darb’oħra l-PN saħaq li l-art fiż-Żonqor għandha tingħata lura lin-nies.
B’risposta l-Partit Laburista qal li s’issa kien ċar aktar minn darba li l-art taż-Żonqor se tintuża biss mill-AUM għal skop edukattiv u meta jkun hemm il-ħtieġa.