Aġġornata | Tliet membri tal-Korp arrestati wara li nqabdu bil-kokaina fuqhom
Il-PN jgħid li l-Gvern Laburista daħħal 47 membru tal-Pulizija b'kondotta kriminali
minn Albert Gauci Cunningham
Stramba u surreali, imma vera. Ftit ġranet qabel il-Milied tliet membri tal-Korp tal-Pulizija ġew arrestati minn membri tat-Taqsima ta' Kontra d-Droga wara li nstab illi kellhom il-kokaina. It-tliet membri tal-Korp tal-Pulizija kienu qegħdin fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Kienet il-gazzetta The Times tal-lum li żvelat dan u kif dawn il-membri tal-Korp kienu qegħdin barra l-ħinijiet tax-xogħol meta nqabdu bil-kokaina. L-istess gazzetta tiżvela kif wieħed mill-pulizija ilu fil-Korp sentejn, ieħor għal ftit aktar minn sena u l-ieħor għadu kif sar pulizija. Fil-fatt dan tal-aħħar huwa wieħed mis-97 membru tal-Korp, li ġew appuntati fis-16 ta’ Diċembru.
Fi stqarrija b’reazzjoni il-Partit Nazzjonalista qal li din l-aħbar tikkonferma “l-istat ħazin li jinsab fih il-Korp u min imexxieh. F’din l-ewwel ġimgħa tas-sena, il-Korp tal-Pulizija nltaqat minn tlett skandli. L-ewwel skandlu huwa dak tal-eksAssistent Kummissarju Mario Tonna li kellu jirriżenja wara l-aħbar żvelata mill-gazzetta In-Nazzjon li kien sar rapport mis-sieħba tiegħu dwar att ta' vjolenza domestika. It-tieni skandlu kien il-ġustifikazzjoni tal-Ministru Michael Farrugia li ddefenda l-aġir ta’ l-eksAssistant Kummissarju Mario Tonna meta skuża l-vjolenza domestika u rabatha mal-ħin twil fuq il-post tax-xogħol", il-PN kompla jgħid "li llum tfaċċa t-tielet skandlu bl-aħbar li tliet uffiċjali tal-Pulizija nqabdu bid-droga.”
Il-PN sejjaħ ‘diżastruż’ l-istat tal-Korp tal-Pulizija bħalissa u qal li dak tal-lum huwa “frott deċiżjonijiet partiġġjani tal-Gvern ta’ Muscat li neħħa l-kundizzjoni li persuna li tidħol fil-korp jrid jkollha kondotta nadifa. Sal-lum il-Gvern ta’ Joseph Muscat diġà daħħal fil-korp 47 ufficjal tal-Pulizija b’kondotta kriminali,” temm jgħid il-PN.
Ministeru: ‘Dan juri li l-Pulizija qed tagħmel xogħolha’
Intant fi stqarrija l-Gvern sostna li l-fatt li persuni fil-Pulizija li allegatament kienu qed jiksru l-liġi nqabdu minn membri oħra tal-Korp tal-Pulizija li għamlu xogħolhom juri s-serjetà fit-tmexxija tal-Korp.
“L-Oppożizzjoni, bl-attitudni ta’ Fenech Adami u Simon Busuttil, temmen li kull uffiċjal tal-Pulizija huwa ħażin."
"Il-Gvern jemmen fil-ħidma u l-bżulija tal-Pulizija ta’ Malta u se jkompli jaħdem biex jelimina l-elementi ħżiena fil-Korp, li huma ftit. Dan hu kompletament kuntrarju għall-mod kif kienu aġevolati uffiċjali li fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti li wettqu atti kontra d-drittijiet tal-bniedem u involuti fl-agħar kriminalità,” sostna l-Ministeru għall-Ġustizzja.
Dwar Tonna, l-Ministeru fakkar kif bħalissa qed isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa u jittieħdu l-passi kriminali li jkun hemm bżonn “għax kull akkuża ta’ vjolenza domestika tittieħed bl-akbar serjetà mill-Korp tal-Pulizija u milll-Ministeru, u ma hija bl-ebda mod ġustifikabbli.
Fil-każ tal-Pulizija li kienu fil-pusses tad-droga, dawn ġew sospiżi, il-każ referut lill-Public Service Commission kif inhi l-prassi, u qed jiġu investigati u jittieħdu l-passi kriminali skont il-liġi. Kriminalità relatata ma’ droga mhix aċċettabbli, aktar u aktar meta din issir minn persuni fil-Korp tal-Pulizija. Tajjeb jekk l-Oppożizzjoni tgħid jekk hux tindika li fiż-żmien l-amministrazzjoni preċedenti ma kienx hemm każijiet ta’ persuni fil-Korp li nqabdu fuq każijiet ta’ droga,” temm jgħid il-Gvern