Il-Parlament se jiddiskuti l-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward

Dan wara li l-Gvern ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni li l-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa jiddiskuti l-bejgħ lil Vitals

Nhar il-Erbgħa 17 ta’ Jannar li ġej, il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-bejgħ tat-tliet sptarijiet minn Vitals Global Healthcare (VGH) lil Steward Healthcare.

Dan wara li l-Gvern ma laqax it-talba li saritlu mill-Oppożizzjoni sabiex il-Kumitat tal-Kamra għas-Saħħa jiddiskuti l-bejgħ tal-isptarijiet mill-Gvern lil Vitals.

Waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Kamra, d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne insista li l-Kamra kellha minflok tiddiskuti l-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward Healthcare.

Filwaqt li ma eskludix li l-Kumitat jiddiskuti l-bejgħ oriġinali fil-futur, Fearne qal li dibattitu fil-Parlament ifisser li l-Gvern mhux biss laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni iżda se tkun qed issir diskussjoni fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni David Agius sostna li filwaqt li għandha ssir id-diskussjoni fil-Parlament, xorta waħda għandha ssir diskussjoni fi stadju ta’ kumitat.

Chris Fearne qal li d-diskussjoni fil-Parlament għandha ssir biex kulħadd jingħata l-ħin li jitkellem fuq dan is-suġġett.

Għada fil-gazzetta ILLUM, se tingħata ħarsa estensiva lejn is-saga tal-VGH f’Malta bi stejjer, opinonijiet differenti u ħarsa lura mill-iffirmar sal-bejgħ lil Steward Healthcare.

More in Politika