L-Ewropa tispiċċa tieħu nofs pass lura fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ajru

  • Il-limitu tal-emissjonijiet jonqos minn 40% għal 30%
  • Kreditu fl-emissjonijiet minn settur għall-ieħor

Fil-ġranet li ġejjin taħt il-Presidenza Ewropea tal-Bulgarija, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jdaħħlu fis-seħħ qbil li laħqu mal-Parlament Ewropew dwar l-emissjonijiet fl-ajru. It-tibdil se jkun qed ibiddel il-parametri stabbiliti kif imressqa matul l-aħħar summit globali ambjentali f’Pariġi, li matulu l-Ewropa kienet intrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet b’40% sas-sena 2030.

Qabel il-Milied il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew laħqu qbil li jkunu kemxejn flessibbli fl-ammont tat-tnaqqis u l-mod kif se jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-ajru, bl-aktar waħda tkun il-mira, li tnaqqset minn 40% għal 30% għall-2030. Dan meta l-għaqdiet ambjentali kienu qed isostnu li l-mira ewlenija ta’ 40% ma kinitx se tkun biżżejjed biex it-temperaturi madwar id-dinja ma jogħlewx b’aktar minn 2 gradi.

Lanqas ma huwa ċar il-mod kif se jitkejjel it-tnaqqis fl-emissjonijiet li fuqu ntlaħaq il-qbil, għaliex ir-rendikont se jinvolvi kreditu minn settur għall-ieħor, fejn pereżempju jekk settur ma jkun qabeż il-limitu jkun jista’ jingħata ‘kreditu’ minn settur ieħor li ma jkunx ħammeġ ħafna u jkun għadu taħt il-limitu.

Il-ftehim se jkun qed jgħodd għall-emissjonijiet fl-ajru mis-setturi tat-trasport, il-bini, l-iskart u l-agrikoltura. L-għaqdiet ambjentali hawnhekk qalu li din il-forma ta’ kreditu se twassal għal tunellati ta' emissjonijiet żejda fl-ajru għaliex mhux ċar kif il-pajjiżi se jagħtu rendikont skont kull settur.

Għaldaqstant il-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jwassal biex dan il-kalkolu jibda jittieħed aktar kmieni minn Ġunju tas-sena d-dieħla u mhux minn Jannar tal-2020 kif miftiehem fil-ftehim li kien tressaq f’Pariġi. Mhux mistenni li fiż-żmien li ġej, il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jbiddlu dan l-aħħar qbil li ntlaħaq dwar l-emissjonijiet.

More in Politika