Kull sena jintilfu mal-€150 biljun ewro f’VAT

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-pajjiżi fl-UE biex isaħħu r-riżorsi sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jiġbru tat-taxxa tal-VAT kollha dovuta

Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jridu jallokaw ferm aktar riżorsi biex isaħħu l-mod kif qed jiġbru t-taxxa tal-VAT, għaliex dan qed iwassal għal telf fil-baġits nazzjonali li jlaħħaq il-medja ta’ €150 biljun fis-sena madwar l-Ewropa.

Dan jirriżulta mit-tmin rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-VAT għall-perjodu 2013-2016, li sar bl-informazzjoni li nġabret mill-Awtoritajiet tat-Taxxa tal-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea. Il-konklużjoni ewlenija hija li l-pajjiżi Ewropej iridu jaħdmu aktar flimkien biex jirnexxilhom jiġbru t-taxxa li evażuri jkunu jridu jaħarbu milli jħallsu.

Fl-2016, bosta pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kienu rriformaw jew kienu fil-proċess li jirriformaw partijiet mill-amministrazzjoni tat-taxxa, iżda r-rapport jirrakkomanda li jsiru investimenti fit-teknoloġija diġitali u r-riżorsi umani għaliex dawn jitqiesu bħala kruċjali għall-pajjiżi tal-Unjoni biex isaħħu l-finanzi pubbliċi tagħhom.

Dan hekk kif il-Kummissjoni innutat li filwaqt li l-miżuri li qed jittieħdu qed iħallu riżultati aħjar, għad fadal diskrepanza bejn il-VAT li qed tinġabar mill-pajjiżi u dik li għandha tinġabar.

Bil-VAT miġbura madwar l-Ewropa, il-baġit tal-Unjoni Ewropea kien żdied għal €18,087 biljun fl-2015. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk appellat lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jaħdmu aktar sabiex jiġbru b’mod aktar effettiv il-VAT u jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

Il-ħsieb huwa li bir-riformi fis-sistema tal-VAT ikun hawn sistema waħda definita madwar l-Ewropa, li tkun waħda effikaċi u mingħajr problemi ta’ evażjoni jew frodi. Dwar dan il-lat, il-Kummissjoni Ewropea tisħaq li kull pajjiż membru fl-Unjoni għandhom jagħmlu użu aħjar tal-informazzjoni li tinġabar mill-pajjiżi l-oħra, għaliex il-qsim tal-informazzjoni hija kruċjali fl-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa.

Sabiex inaqqsu l-ispejjeż jirriżulta li bosta pajjiżi fl-Unjoni għaqqdu flimkien l-amministrazzjoni u l-awtoritajiet responsabbli mill-ġbir tat-taxxa flimkien mad-Dwana u d-Dipartimenti tal-investigazzjonijiet finanzjarji.

Hekk kif ġew iffinalizzati r-rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, fil-ġranet li ġejjin, il-Kummissjoni se tkun qed tiddiskuti l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport mal-pajjiżi kollha membri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li nstabu.

More in Politika