Il-Partit Nazzjonalista talab uffiċjalment lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga t-trasferiment tal-konċessjoni li ngħatat lil-Vitals biex imexxu tliet sptarijiet lil Steward Healthcare.
Il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li din it-talba saret permezz tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, filwaqt li enfasizza li huwa inaċċettabbli li t-taxxi tal-poplu ngħataw lil kumpanija li ma ħalliet l-ebda riżultat u li kien evidenti li ma kellhomx il-kredenzjali li jmexxi sptarijiet.
F’ittra iffirmata mid-Deputati Nazzjonalisti Kristy Debono, Claudio Grech u Beppe Fenech Adali, li jiffurmaw parti mill-Kumitat, jingħad li huwa evidenti l-governanza tajba fis-settur tas-saħħa qed tiġi mminata. Huma ressqu t-talba li ssir investigazzjoni lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika f’isem l-Oppożizzjoni.
Dan hekk kif wara 30 xahar, il-konċessjoni li ngħatat lil Vitals biex imexxu l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak ta’ Għawdex qed tiġi trasferita. Id-Deputat Beppe Fenech Adami qal li dan it-trasferiment mhu xejn ħlief negozju minn fuq dahar il-poplu, hekk kif il-Parlament intalab japprova nefqa ta’ €17.8 miljun żejda fi ħlasijiet ulterjuri lil Vitals.
Il-PN wera wkoll tħassib li s-settur tas-saħħa qed jispiċċa suġġett ta’ ftehimiet sigrieti, filwaqt li l-Vitals ingħataw il-miljuni sabiex issa se jerġgħu jagħmlu aktar miljuni mit-trasferiment ta’ din il-konċessjoni.