Jitlesta r-restawr ta' swar fil-Floriana

Dan ir-restawr sar b'investiment ta' €600,000

Aktar minn 4,500 metru kwadu ta’ swar li jinsabu fl-Għolja tal-Kurċifiss fil-Floriana tlestew wara investiment ta’ €600,000. Ix-xogħol tar-restawr kien jinkludi tibdil tal-ġebel, tikħil tal-fili, konsolidament tal-ġebel li ddeterjora kif ukoll xogħol ieħor biex jissaħħaħ il-blat.

Peress li x-xogħlijiet sar minn fuq propjetajiet ta’ persuni terzi ttieħdu numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fejn inbnew pjattaformi sabiex jiġu iżolati btieħi u jitpoġġa scaffolding. Il-materjal meħtieġ twassal mill-ġnien.

Dawn is-swar huma parti minn dawk li ġew iddisinjati mill-Inġinier Pietro Paolo Floriani fl-1635 sabiex jipproteġu l-Belt mill-atrillerija u għalhekk ukoll jinsabu mat-800 metru ‘l bogħod mis-swar tal-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici flimkien mas-Segretarji Parlamentari Deo Debattista u Silvio Parnis żar ix-xogħlijiet u saħaq fuq l-importanza li nippreservaw il-passat tagħna sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri japprezzaw il-wirt ta’ pajjiżna. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Floriana Davinia Sammut Hili.

More in Politika