Il-Birdlife fi stqarrija qed issostni li evidenza li ġabret tindika li l-infurzar kien batut u f’ċertu każijiet assenti waqt l-istaġun tal-insib bejn Ottubru u Diċembru.
Birdlife qalet li għall-istaġun kien hawn 4,000 nassab liċenzjat u 8,000 mandab awtorizzat u l-infurzar kien jiddependi mit-Taqsima tal-Infurzar u dawk tad-Distrett ta’ Għawdex tal-Pulizija.
L-NGO tgħid li kien hemm okkażjonijiet fejn il-Pulizija fallew milli jmexxu fuq evidenza li hi ppreżentat.
Tgħid li minn stħarriġ li wettqet, matul il-Ħdud ta’ Novembru kien hemm minn tal-inqas ħames bejjiegħa li kienu qed ibiegħu illegalment għasafar tal-għana tas-selvaġġ mill-Monti, meta huwa illegali li jinbiegħu dawn it-tip ta’ għasafar.
L-istqarrija tal-Birdlife tgħid li numru minn dawn il-bejjiegħa sidien ta’ ħwienet ta’ petshops f’Għawdex, li fil-passat kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ negozu llegali ta’ għasafar tal-għana.
Il-Birdlife tgħid ukoll li l-istaġun jattira domanda qawwija ta’ għasafar ħajjin li jintużaw biex jattiraw għasafar oħra lejn il-mansab, dan kemm negozju lokali kif ukoll kuntrabandu mill-Italja.
L-NGO għandha wkoll evidenza fotografika li għaddiet lill-Pulizija dwar mansab maġenb it-tinda prinċipali fil-Buskett.
L-istqarrija tgħid li s-sitwazzjoni f’Għawdex ma kinitx differenti.