‘Jitolbu investigazzjoni f’allegazzjonijiet ta’ żejt bil-kuntrabandu’

Numru ta' Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu għal investigazzjoni dwar żejt mill-Libja fil-baħar ta' madwarna....

L-MEPs iridu investigazzjoni f'allegat kuntrabandu taż-żejt
L-MEPs iridu investigazzjoni f'allegat kuntrabandu taż-żejt

Numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu lill-awtoritajiet lokali biex jibdew investigazzjoni fuq allegazjonijiet ta’ żejt mill-Libja. Din it-talba qed issir, primarjament, fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, illi kien hemm min rabtu ma’ ċrieki ta’ kuntrabandu taż-żejt.

Kienet il-gazzetta Taljana, Il Fatto Quotidiano li fil-fatt abbinat l-arrest ta’ Darren Debono mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, it-traffikar taż-żejt bil-kuntrabandu mill-Libja kif ukoll il-qtil b’karozza bomba ta’ żewġ Maltin li kienu qed jinnegozjaw mal-Libjani.

Caruana Galizia, fil-fatt kienet kitbet blogg nhar l-14 ta’ Frar illi fih tgħid lil mara li allegatament hedditha aħjar toqgħod attenta li Darren Debono ma jispiċċax jinqatel f’karozza bomba bħalma ġralhom żewġ sajjieda oħrajn. Hija għamlet referenza għal Darren Degabriele u Martin Cachia.

Debono kien arrestat wara li l-Prokura ta’ Katanja mexxiet investigazzjoni f’ċirku ta’ nies allegatament marbutin ma’ moviment taż-żejt fl-ibħra ta’ madwarna. Din l-investigazzjoni kienet magħrufa bħala ‘Dirty Oil’.

Esperti li kienu tkellmu mal-ILLUM kienu sostnew, fid-dawl ta’ kritika lejn pajjiżna, illi jkun aħjar jekk it-Taljani jaraw kif dieħel żejt illegali f’pajjiżhom.

It-talba biex jibdew investigazzjonijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet, hija biss waħda minn numru  ta’ rakkomandazzjonijiet li numru ta’ MEPs qed jagħmlu wara żjara f’Malta f’Diċembru li għadda.

Fost diversi rakkomandazzjonijiet oħrajn dawn l-MEPs qed jitolbu li jsiru riformi diversi u anke investigazzjoni f’dak li jsejħu “allegata influwenza f’elezzjonijiet permezz ta’ impjiegi fis-settur pubbliku” kif ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux jkun maħtur mill-prim Ministru.

L-abbozz tar-rapport tad-Delegazzjoni li ġiet f’pajjiżna iddomina l-aħbarijiet din il-ġimgħa, hekk kif fost affarijiet oħrajn kien żvelat illi Maria Efimova indikat li hu m’hijiex is-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia fuq l-allegazzjoni ‘Egrant’. 

More in Politika