Aġġornata | Addio l-Airshow din is-sena

Il-Malta Aviation Society tiddeċiedi li ma torganizzax l-Airshow wara li ġiet 'injorata' mill-Ministeru

Ritratt | Malta Aviation Society
Ritratt | Malta Aviation Society

Din is-sena mhix se tiġi organizzata l-Malta International Airshow, dan wara deċiżjoni li ttieħdet mill-Malta Aviation Society (MAS), li qed issostni li ma kellhiex għażla oħra ħlief li tabbanduna l-preparamenti kollha abbinati ma dan l-ispettaklu annwali.

Fil-mezzi soċjali, il-Malta Aviation Society qalet li kienet bagħtet komunikazzjoni lill-Ministeru għat-Turiżmu fuq ‘guidance and commitment’ wara d-deċiżjoni li kienet ittieħdet bejnha u l-awtoritajiet li l-Airshow ma jibqax isir fl-ajruport iżda tiċċaqlaq għal post ħdejn il-baħar.

Mal-ILLUM, il-President tal-Malta Aviation Society Joe Ciliberti sostna li qatt ma ntalbet assistenza mill-Gvern sabiex tiġi organizzata l-Airshow, iżda jekk l-ispettaklu jsir minn ħdejn xatt il-baħar, bħala organizzaturi jitilu l-qligħ mill-biljett tad-dħul.

Ciliberti spjega li l-organizzazzjoni tal-Airshow tinvolvi spejjeż konsiderevoli, li jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro. Sostna li matul dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern kien għen b’għotjiet finanzjarji.

Joe Ciliberti eskluda l-possibilità li l-Airshow ta’ din is-sena ssir xorta waħda, jekk issir stedina mill-Ministeru għal taħdidiet. Huwa spjega li l-Malta Aviation Society tibda taħdem għall-ispettaklu li jmiss mis-sena ta’ qabel, fejn jinħarġu l-istediniet lill-parteċipanti.

Qal li jkun hemm pressjoni ta’ kordinazzjoni u issa f’dan l-istadju anke jekk isir taħdidiet mal-Ministeru, mhux se jkun hemm biżżejjed żmien biex l-Airshow issir.

 

Fil-paġna tal-Facebook, il-MAS qalet li tinsab konxja b’xogħlijiet fl-ajruport iżda tinsab iddispjaċuta li wara 25 sena, ma kellhiex risposta mill-Ministeru.

Qed tittama li jkun hemm edizzjonijiet oħra tal-Airshow, u saħqet li tinsab ippreparata li tgħin f’dan l-avveniment sakemm ikun hemm l-impenn min-naħa tal-Gvern li jsostniha finanzjarjament, jekk tibqa’ d-deċiżjoni li l-Airshow tiċċaqlaq għal post ħdejn il-baħar.

Qed tittama wkoll li jkun hemm il-kundizzjonijiet kollha possibbli sabiex torganizza edizzjoni oħra tal-Airshow fl-2019.

More in Politika