Eks rebbieħ tal-EURO mal-MEPs f’delegazzjoni dwar il-Valletta 2018

  • MEPs f’Malta biex jaraw mill-qrib il-proġetti u l-programm tal-attivitajiet
  • L-investiment fil-Belt Valletta mill-Valletta 2018 se jibqa’ għaddej sas-sena 2020

Ritratt | Valletta2018.org
Ritratt | Valletta2018.org

L-ILLUM tinsab infurmata li delegazzjoni ta’ MEPs se jkunu f’Malta fi Frar sabiex jistħarrġu mill-qrib l-Valletta 2018, il-proġetti u l-programm tal-attivitajiet li saru b’rabta mal-Belt Ewropea tal-Kultura u kif intefqu l-fondi Ewropej.

Id-delegazzjoni se tkun qed tinkludi lill-MEP Theodoros Zagorakis, li kien il-‘captain’ tat-Tim Nazzjonali Grieg li fl-2004 kienu r-rebbieħa tal-EURO, kif ukoll l-MEPs Maltin Marlene Mizzi u Francis Zammit Dimech.

L-MEP Theordoros Zagorakis li kien rebaħ il-EURO fl-2004
L-MEP Theordoros Zagorakis li kien rebaħ il-EURO fl-2004

F’Malta l-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu fost l-oħrajn mal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, iċ-Chairman tal-V18 Jason Micallef u s-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli. Huwa mistenni li din id-delegazzjoni tfassal rapport dwar il-Valletta 2018 li jiġi ppreżentat fil-Parlament Ewropew.

Intant, l-ILLUM tkellmet mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra hekk kif hija mistennija żieda fl-attività ekonomika matul din is-sena bil-Valletta 2018. Huwa spjega kif matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, ġiet irreġistrata żieda ta’ 8% fit-titjiriet bl-ajru lejn Malta meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet.

Żieda ta' 8% fit-titjiriet lejn Malta bil-Valletta 2018
Żieda ta' 8% fit-titjiriet lejn Malta bil-Valletta 2018

Qal li għalhekk l-MHRA qed tistenna żieda fin-numru tat-turisti li ġejjin Malta bejn Jannar u April, ix-xhur ewlenin tal-bidu tal-attivitajiet tal-Valletta 2018. Tony Zahra qal li l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura qed tinċentiva aktar turisti biex jiġu Malta biex jaraw l-attivitajiet li se jsiru matul is-sena u għalhekk il-lukandi u r-ristoranti qed jippreparaw għaż-żieda fid-domanda. B’mod partikolari r-ristoranti li hemm fil-Belt Valletta.

Il-Valletta 2018 hija attività kbira għal Malta, hekk kif il-Belt Valletta flimkien ma’ Leeuwarden se jkunu l-ibliet Kapitali Ewropej tal-Kultura u se jiġu organizzati mijiet ta’ attivitajiet matul is-sena kollha. Il-fondazzjoni V18 se tkun qed torganizza mal-140 proġett u mal-400 attività differenti matul l-2018, li jinkludu fost l-oħrajn, il-Valletta Pageant of the Seas, il-Malta International Jazz Festival u n-Notte Bianca.

Il-funtana tat-tritoni restawrata għall-Valletta 2018
Il-funtana tat-tritoni restawrata għall-Valletta 2018

Il-ftuħ uffiċċjali tal-Valletta 2018 se jsir nhar is-Sibt li ġej, b’erba’ spettakli kbar ta’ 30 minuta ’l wieħed fil-pjazez tat-Tritoni li se tinfetaħ mill-ġdid dakinhar, Kastilja, San Ġorġ u San Ġwann.

Għal din l-attività huwa mistennija li jattendu mat-80,000 persuna. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ilha għaddejja fuq vjaġġ ta’ ħames snin bi tħejjija għar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta, bl-aħħar investiment li nfetaħ jkun dak tas-Suq tal-Belt.

Mal-ILLUM, iċ-Chairman tal-Valletta 2018 Jason Micallef kien stqarr li flimkien mal-Gvern, ir-riġenerazzjoni fil-Belt Valletta se jibqa’ għaddej mhux biss matul iż-żmien tal-Belt Ewropea tal-Kultura iżda sas-sena 2020.

Dan b’investiment ta’ €30 miljun għal proġetti ġodda. Fis-sena 2031, Malta jerġa’ jkollha belt jew raħal li jiġi nominat bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

More in Politika