Milqugħa n-nomina ta’ John Rizzo għall-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Ma tintlaqax iżda n-nomina ta' Janice Chetcuti fil-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi

Wara li l-Partit Nazzjonalista innomina lil John Rizzo bħala rappreżentant għall-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u lil Janice Chetcuti fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Gvern talab il-parir tal-Avukat Ġenerali.

Dan minħabba riżervi li qamu minħabba l-eliġibilità skont il-liġi.

L-Avukat Ġenerali qal li persuna li kienet uffiċjal pubbliku tista’ sservi fuq il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u għalhekk il-Prim Ministru se jagħti l-parir lill-President għall-ħatra ta’ John Rizzo.

Dwar in-nomina ta’ Janice Chetcuti, il-parir tal-Avukat Ġenerali kien li skont il-liġi tal-ERA, persuna li jkollha uffiċċju elettiv, fosthom kunsilliera lokali bħal fil-każ ta’ Chetcuti ma tistax tiġi nominata għal fuq il-Bord tal-Awtorità.

Għalhekk il-Gvern se jkun qed jitlob lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jinnomina persuna oħra.

Fid-dawl ta' dan, il-Partit Demokratiku qed jinnomina lil Alfred Baldacchino għall-Bord tal-ERA u qed jittama li l-Partit Nazzjonalista jmur lil hinn mill-politika partiġġjana u jaċċetta din in-nomina.

Fi stqarrija ntqal li tressqet din in-nomina bit-tama li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia juri rieda li jrid jaħdem mal-Partit Demokratiku.

Il-PD jemmen ukoll li s-sistema għandha tinbidel sabiex tirrifletti t-tielet partit fil-Parlament.

More in Politika