Occupy Justice jpoġġu flokkijiet ma' monumenti ewlenin fil-pajjiż

Dawn il-flokkijiet għandhom miktub l-aħħar kelmiet ta' Daphne Caruana Galizia qabel mewtha 

Tliet xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Occupy Justice libsu monumenti ewlenin madwar Malta, bi flokkijiet bis-silta ta’ l-aħħar kelmiet tal-ġurnalista qabel mewtha “Crooks everywhere. The situation is desperate.”

Fost dawn il-monumenti hemm ukoll dawk ta’ Duminku Mintoff, Guido de Marco u Sir Winston Churchill.

 

Fi stqarrija, Occupy Justice, il-grupp ta’ attivisti mmexxija min-nisa, sostnew li għaddew tliet xhur mill-qtil ta’ Caruana Galizia u għadu mhux magħruf minn ordna l-assassinju tagħha.

L-attivisti qed jisħqu li għandha tittieħed azzjoni u li l-legat li se jħalli warajh il-Gvern se jkun tal-aktar Gvern korrott li qatt kellha Malta.

Enfasizzaw li fid-dawl tar-rapport tal-MEPs dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, il-Prim Ministru għandu jneħħi liċ-Chief of Staff tiegħu u lill-Ministru Konrad Mizzi.

Occupy Justice saħqu fuq il-bżonn tal-governanza tajba miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati minn dawk kollha li jokkupaw pożizzjonijiet uffiċjali.

L-attivisti qed jerġgħu jappellaw għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.

More in Politika