Aġġornata | Il-'whistleblower' Russa: Il-Pulizija Ċiprijotta bi tfittxija biex tarrestaha wkoll

Maria Efimova, il-mara wara l-allegazzjoni 'Egrant', akkużata b'serq mill-post fejn kienet taħdem f'Ċipru

Maria Efimova, waqt intervista mal-Malta Independent
Maria Efimova, waqt intervista mal-Malta Independent

Maria Efimova, il-whistleblower Russa li kien mifhum illi kienet is-sors tal-istorja Egrant, (għalkemm  kien żvelat illi hi indikat ma' numru ta' MEPs li ma kinitx is-sors oriġinali ta' Daphne Caruana Galizia) qed tkun mfittxija mill-Pulizija Ċiprijotta wkoll. 

Fil-fatt skont artiklu fuq is-Cypriot Business Mail, id-Direttur tal-IDF Fragrance Distribution Natalia Antoniou qalet illi l-uffiċċju legali Costas Tsirides & Co. talbet lill-Pulizija Ċiprijotta biex tibda tfittxija għal Efimova f'Diċembru wara li, allegatament, serqet mill-istess kumpanija. Din hija akkuża simili għal dik li ġab kontriha l-Bank Pilatus f'Malta.  

Efimova qalet li tinsab sorpriża li wara erba' snin kien biss issa li l-kumpanija ftakret li hi għandha tkun arrestata. Antoniou iżda, f'kuntatt telefoniku mal-gazzetta, sostniet illi hi għamlet rapport erba' snin ilu fuq ordni tas-sid ta' Fragrance Distribution, li wasslet għal mandat ta' arrest kontra Efimova. 

Il-Pulizija qalu lill-gazzetta illi l-proċess dam erba' snin sakemm saru l-investigazzjonijiet kollha fuq l-akkużi miġjuba kontra Efimova. 

Efimova qalet lill-gazzetta Ċiprijotta li dan huwa kollu kemm hu pjan minn Malta biex hi tkun skreditata jew biex terġa tiġi pajjiżna, fejn tkun arrestata. 

Lura f'Malta Efimova qed tkun akkużata mill-Bank Pilatus, fejn kienet taħdem, bi frodi u serq. Fosthom illi użat flus tal-kumpanija biex bihom siefret lill-familja kollha tagħha fuq attività relatata max-xogħol. Hi dejjem sostniet li l-Bank ma ħallashiex il-paga dovuta lilha.

Kien dan is-sit illi żvela kif Efimova ma kienet pproduċiet ebda dokumenti u l-akkużi li fuqhom kienet tkeċċiet mill-Bank. Kien dan is-sit ukoll illi żvela kif kuntrarjament għal rapporti fuq midja lokali Efimova ma pproduċiet ebda dokumentazzjoni lanqas quddiem delegazzjoni ta' MEPs li magħhom kellha ';video-conference'. 

Efimova tibqa' l-moħħ wara l-akkuża illi Michelle Muscat għandha kumpanija l-Panama, bl-isem Egrant u li minn din il-kumpanija għaddew $1 miljun minn kont fl-Ażerbajġan. Kienet Daphne Caruana Galizia li ppubblikat din l-istorja illi kienet tgħid li d-dokumenti kienu fis-safe tal-kċina tal-Bank Pilatus. 

Muscat dejjem ċaħad din l-allegazzjoni, sejħilha gidba u qal li jirreżenja jekk tirriżulta li hija minnha jew li hemm xi forma ta' verità fiha.  

Efimova ma baqgħetx Malta u qalet li ħarbet għax beżgħet għal ħajjitha. Hi fil-fatt ma kinitx qed titla' l-Qorti fejn kellha tirrispondi għall-akkużi kontriha mill-Pilatus. 

Intant f'artiklu ippublikat fuq is-sit Lovin Malta, Pierre Portelli eks Editur tal-gazzetta The Malta Independent sostna illi hu nnifsu ra dokumenti dwar Egrant, li ma kienux mogħtijin lilu mingħand Efimova, Caruana Galizia jew l-eks Spettur tal-Pulizija Jonathan Ferris. Portelli qal illi wara talba mill-Maġistrat Aaron Bugeja, hu kien għadda dawn id-dokumenti lilu. Bugeja qed imexxi inkjesta mitluba mill-Prim Ministru Joseph Muscat wara li Caruana Galizia kienet ippublikat l-istorja bl-allegazzjoni. 

Daphne Caruana Galizia kienet ippublikat dak li sejjħet bħala t-test sħiħ tad-dokumenti li juru illi Egrant Inc. hija ta' Michelle Muscat

Muscat dejjem ċaħad u kien qal illi dak li ppreżentat Caruana Galizia kien dokument falz mimli żbalji. 

More in Politika