Hekk kif bħalissa għaddej dibattitu dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare lura fl-2015, li issa se tbiegħ il-proprjetà u l-isptarijiet lill-kumpanija Stewrad Healthcare, d-Deputati Għawdxin qalu tagħhom.
Fl-intervent tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal illi l-investiment ta’ Barts Medical School qed ikun ipperikolat hekk kif l-investiment mwiegħed minn Vitals Global Healthcare għadu ma mmaterjalizzax. L-Isptar minn fejn kellu jibda jopera Barts kellu jinfetaħ f’Settembru li għadda.
Il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda rrapurtat kif l-iskola ta' Barts tinsab ferm urtata minħabba id-dewmien f'dan il-proġett, li jfisser illi l-istess skola qed tkun kostretta tuża l-iskola pubblika tar-Rabat Għawdex.
"Vitals lanqas biss għandhom biżżejjed flus biex ibiddlu l-wipers tal-ambulanzi, biex tara," kkumenta Said li staqsa x’investiment sar fl-isptar kemm ilu li ġie f’idejn il-VGH. “Vitals qed jieħdu €7 miljuni fix-xahar u ma investewx ċenteżmu minnhom,” insista.
Il-Ministru Justyne Farrugia sostniet illi meta tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista sab sptar li kien mitluq. Fakkret illi kien dan il-Gvern li beda joffri l-kimoterpija lill-pazjenti Għawdxin. Caruana qalet illi lanqas city scan u magna tal-ultra sound ma kellu l-isptar ta’ Għawdex. “Lanqas inkubatur jaħdem ma kien hemm,” sostniet Caruana illi nsistiet li għadha mweġġa bl-istat li kien fih l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
“Dan tal-lum huwa l-ikbar investiment li qatt sar f’Għawdex u mhux se mmorru lura minnu,” sostniet l-Ministru Caruana.
Intant id-Deputat Nazzjonalista David Stellini fakkar illi “Gvern Nazzjonalista meta l-Isptar San Luqa ma baqax ta’ livell bnejna sptar daqs villaġġ sħiħ, immexxi mill-Maltin...għalfejn qed tibżgħu tippublikaw il-kuntratt?” staqsa Stellini.
Il-kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare fil-fatt kien ippublikat, imma numru ta’ paġni kienu ċċensurati.
Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal li dan il-ftehim huwa wieħed li għandu riħa ta' korruzzjoni u talab biex dan il-ftehim jitreġġa lura.
Id-Deputat Anton Refalo ma indirizzax il-Parlament.