Il-Partit Nazzjonalista ħatar lil Jesmar Baldacchino bħala Direttur Informazzjoni tal-partit.
Huwa se jkun qed ikompli fuq il-ħidma ta’ David Bonello li ħalla din il-kariga fil-ġranet li għaddew.
Jesmar Baldacchino għandu 39 sena u ilu jaħdem fis-settur tal-ġurnaliżmu u l-komunikazzjoni għal dawn l-aħħar 20 sena.
Huwa ħadem f’diversi kmamar tal-aħbarijiet fosthom Net Television, RTK u Newsbook. Dan l-aħħar huwa kien fil-kariga ta’ Deputat Editur tal-gazzetta ILLUM.
Huwa wkoll diplomat fil-Marketing Diġitali u l-Fotografija.
F’esperjenza politika mal-Partit Nazzjonalista, huwa ħadem fl-uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Ministeru għall-Ġustizzja, id-Djalogu Soċjali u l-Familja ta’ Chris Said.
Kiseb ukoll esperjenza fix-xena Ewropea meta ħadem fl-uffiċċju tal-komunikazzjoni mal-Membri Parlamentari Ewropej Therese Comodini Cachia u Francis Zammit Dimech.
Il-kariga ta’ Jesmar Baldacchino bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se tidħol fis-seħħ mill-5 ta’ Frar li ġej.