Analiżi | Kwistjonijiet ta’ tassazzjoni f’Malta…imma vera qed niksru l-liġi?
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn is-sistema ta’ refużjoni tat-taxxa li titħaddem f’pajjiżna li f’dawn l-aħħar ġranet irċeviet kritika ħarxa minn MEPs fil-Parlament Ewropew....
minn Albert Gauci Cunningham
Hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu f’Malta daħlet fis-seħħ id-direttiva tal-ħasil tal-flus magħrufa bħala AMLD4, sar ferm iżjed importanti l-qsim tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, bl-awtoritajiet f’Malta jaħdmu aktar id f’id mal-awtoritajiet tal-pajjiżi l-oħra.
Matul dawn l-aħħar xhur rajna ħafna pajjiżi li direttament jew indirettament attakkaw is-sistema tat-taxxa f’Malta, saħansitra wkoll bi programmi televiżivi u dibattiti.
Ġurnalisti u preżentaturi jlaqqmu lil Malta bħala ‘tax haven’ u oħrajn jallegaw li qed nisirqu lill-pajjiżi l-kbar, argument li għal uħud ma jagħmilx sens fil-kuntest li l-ekonomija ta’ Malta, għalkemm qed tikber b’rata mgħaġġla, mhix kbira daqs dik tal-Ġermanja jew Franza.
Is-sistemi ta’ tassazzjoni f’Malta kienu ġew innegozjati qabel id-dħul fl-UE
Kemm Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat kif ukoll il-Gvernijiet Laburisti tal-preżent jaqblu li s-settur finanzjarju huma meħtieġ li jiġi kkurat u li jingħata inċentivi sabiex ikompli jikber, għaliex joffri opportunitajiet ta’ xogħol b’pagi tajbin. Dan meta l-istess settur qed ikompli jespandi u fi żmien il-kriżi internazzjonali matul is-snin wara l-2008, dan is-settur flimkien mal-Gaming aktar tard kienu l-pilastri sabiex l-ekonomija tagħha ma ħaditx daqqa kbira bħal dawk ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Filwaqt li pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja jattakkaw is-sistema tat-taxxa adottata għall-kumpaniji barranin li jiftħu hawn, din kienet parti mill-ftehim li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien innegozja, parti mit-taħdidiet dwar l-‘Acquis Communitaire’ jew aħjar għad-dħul fl-Unjoni.
Is-sistema ta’ refużjoni ta’ taxxa mhix illegali
Is-sistema ta’ refużjoni tat-taxxa ta’ 30% li pajjiżna jagħti lill-azzjonisti ta’ kumpaniji li jiftħu f’Malta mhix illegali u lanqas mhi kif qed jippruvaw ipinġuha pajjiżi oħra, għaliex sabet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.
Għalkemm id-direttiva tal-ħasil tal-flus AMLD4 m’għandhiex x’taqsam mar-refużjoni tal-kreditu tat-taxxa, din se tagħmilha possibbli li ssir magħrufa ċertu tip ta’ informazzjoni fil-mod ta’ kif taħdem kumpanija. L-aktar importanti bla dubju hija li jrid ikun magħruf min ikun il-benefiċċarju aħħari ta’ kumpanija, il-UBO.
Fid-dawl ta’ dawn id-dibattiti li jinsabu għaddejjin dwar is-sistema tat-tassazzjoni tagħna, l-ILLUM tkellmet ma’ esperti finanzjarji dwar din is-sistema. Biex inġibu eżempju għall-qarrejja, persuna li tagħżel li tiġi tiftaħ kumpanija f’Malta, tistabbilixxi ‘trading company’ għall-operat u biex tħaddem lin-nies. Ġeneralment l-investitur jagħżel li jistabbilixxi wkoll dik li hija magħrufa bħala ‘holding company’ jew li jkun il-benefiċċarju aħħari (UBO).
Il-UBO tista’ tkun persuna oħra jew inkella kumpanija oħra. Il-‘holding company’ wkoll tkun ibbażata f’Malta u hija din jew il-UBO, li jirċievu r-refużjoni ta’ 30% u 35% tal-profitti ntaxxati. Jekk il-‘holding company’ tgħaddi l-profitti ġġenerati lill-UBO, dan irid jiddikjara kollox fit-taxxa tad-dħul personali fil-pajjiż li tiegħu huwa residenti. Il-pajjiż li fih ikun residenti l-azzjonist jista’ jintaxxa kull qligħ jew kull refużjoni ta’ taxxa li jkun ingħata skont il-liġijiet applikabbli.
F’dan il-kuntest ukoll huwa neċessarju l-qsim tal-informazzjoni tat-taxxa bejn l-awtoritajiet fiskali fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar dan, Kelliema għall-Ministeru tal-Finanzi qalet li hemm diversi metodi internazzjonali li taħthom jistgħu jkunu trattati talbiet għall-qsim tal-informazzjoni dwar it-taxxa. Dan jinkludu wkoll direttivi Ewropej għall-koperazzjoni, trattati għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa doppja bejn pajjiż u ieħor, il-konvenzjoni tal-OECD u konvenzjonijiet oħra.
Qalet li f’konformità ma’ dawn l-obbligi internazzjonali, l-informazzjoni relatata mat-taxxa b’konnessjoni ma’ refużjoni ta’ flus tingħata meta t-talbiet isiru mill-awtoritajiet fiskali barranin dwar it-taxxa. Jirriżulta li kull sena jsiru medja ta’ ħames talbiet ta’ din ix-xorta u li l-awtoritajiet taw l-informazzjoni li ntalbet.
‘L-allegazzjonijiet li qed isiru mill-midja barranija huma inġusti’
L-esperti finanzjarji li tkellmu mal-ILLUM spjegaw li l-allegazzjonijiet li qed isiru mill-midja barranija huma inġusti. Irrimarkaw li l-kritika huma fuq il-ftuħ ta’ ‘holding company’ li tkun f’Malta u allura t-taxxa imħallsa tibqa’ f’Malta u mhux fil-pajjiż tal-oriġini tal-investitur, iżda l-ikbar kritika qed issir lejn il-ftuħ ta’ ‘trusts' f’pajjiżi oħra b’ġurisdizzjoni differenti, li mhix Ewropea. Jissemmgħu l-Panama, il-British Virgin Island, Jersey u Barbados. L-esperti qalulna iżda li minn dan kollu m’hemm xejn illegali.
Mill-Panama Papers u l-Paradise Papers irriżulta li kien hemm ‘trusts’ u kumpaniji li nfteħu f’pajjiżi b’segretezza fil-ġuridizzjoni finanzjarja tagħhom, u ġie rrappurtat li dan sar għal skopijiet ulterjuri, fosthom l-evażjoni tat-taxxa. Matul ix-xhur li għaddew iżda l-Unjoni Ewropea ppubblikat lista ta’ 17-il pajjiż li huma ‘blacklisted’ li huma s-Samoa, il-Bahrain, il-Barbados, Grenada, Guam, il-Korea, Makaw, il-ġżejjer Marshall, il-Mongolja, in-Namibja, il-Palau, il-Panama, St Luċija, Trinidad u Tobago u l-Emirati Għarab Magħquda. Aktar kmieni din il-ġimgħa tneħħew tmien pajjiżi minnhom fosthom il-Panama u t-Tuneżija, f'deċiżjoni li qajjmet diskussjoni sħiħa.
L-Unjoni Ewropea tqis dawn il-pajjiżi bħala ġuridizzjonijiet perikolużi li jistgħu jwasslu għall-ħasil tal-flus minħabba l-privatezza u s-segretezza tagħhom u n-nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ awtoritajiet finanzjarji Ewropej. Il-kritika allura tikkonċentra li UBO jaf jiddeċiedi jiftaħ ‘trust’ dawn il-pajjiżi biex jevita li jħallas it-taxxa f’pajjiżu, għalkemm din mhix prattika li dejjem issir.
L-ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Finanzi dwar din ir-refużjoni tat-taxxa, bil-kelliema għall-Ministeru spjegat li Malta tħaddem sistema fejn it-taxxa ġenerali mħallsa minn kumpanija bir-rata ta’ 35% fuq il-profitti (li huma suġġett għall-ħlas ta’ taxxa) hija attribwita u kkreditata kontra t-taxxa li jkun irid iħallas l-azzjonist fuq il-profitti mqassma mill-kumpanija.
Spjegat li għalhekk taħt din is-sistema, it-taxxa mħallsa mill-kumpanija hija ħlas bil-quddiem tat-taxxa li finalment trid titħallas mill-azzjonisti la darba t-taxxa finali hija determinata, b’referenza għall-istatus ta’ taxxa tal-azzjonist la darba jkun hemm tqassim tal-profitti. Ir-refużjoni tvarja skont in-natura tal-profitti li jkunu saru u jekk tkunx saret talba għall-benefiċċju mill-ħlas ta’ taxxa doppja. Il-Kelliema spjegat li hawn regoli dettaljati kif ukoll provedimenti kontra l-abbuż.
Għal min fil-midja barranija allega li din ir-refużjoni hija għajnuna statali diretta, jirriżulta iżda li wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kellhom isiru ċertu tibdiliet biex Malta tiġi konformi mar-regolamenti Ewropej fosthom ir-Regoli tal-Għajnuna Statali u l-Kodiċi tal-Kondotta tal-Business Taxation.