Żieda ta’ €4,300 fil-paga medja Maltija f’10 snin
Iż-żidiet kienu kontinwi u prattikament tal-istess daqs...tnaqqis fil-persentaġġ ta' nies li jaħdmu fis-settur pubbliku mill-2008
More in Politika
Iż-żidiet kienu kontinwi u prattikament tal-istess daqs...tnaqqis fil-persentaġġ ta' nies li jaħdmu fis-settur pubbliku mill-2008
Fl-aħħar 10 snin il-paga medja annwali (average annual basic salary) f’Malta żdiedet bi ftit aktar minn €333 kull xahar. Fil-fatt il-paga medja Maltija żdiedet b’€4,300 mill-2008 sat-tielet kwart tas-sena l-oħra, meta l-paga medja f’pajjiżna kienet tilħaq is-€17,858.
Iż-żidiet kienu kontinwi u prattikament tal-istess daqs, għalkemm skont iċ-ċifri tal-Labour Force Survey jirriżulta illi l-akbar żidiet seħħew bejn is-snin 2009 u 2010, kif ukoll bejn is-snin 2015 u 2016.
Bejn l-2009 u l-2010 l-paga medja f’pajjiżna żdiedet b’ €670 fis-sena, minn €13,833 għal €14,505. Bejn l-2015 u l-2016 il-paga medja żdiedet b’€690 fis-sena, minn €16,559 għal €17,253. Sat-tielet kwart tas-sena 2017 il-paga medja Maltija kienet ta’ €17,858 li hija ftit iktar minn €600 mis-sena 2016 kollha.
Intant skont informazzjoni mogħtija minn Jobs Plus jirriżulta illi l-persentaġġ ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku fuq bażi ‘full-time’ fl-2016 kien fl-inqas livell. Matul dik is-sena kienu ftit inqas minn kwart, jew 24.7%, ta’ dawk kollha f’impjieg ‘full-time’ li jaħdmu mal-Gvern. Min-naħa l-oħra 75.3% kienu jaħdmu mal-privat.
Iż-żieda f’dawk li jaħdmu mal-privat u t-tnaqqis fil-persentaġġ ta’ dawk li jaħdmu f’entità tal-Gvern jew parastatali, kienet waħda kontinwa mis-sena 2008 lil hawn. Fl-2008 kien hemm 28.5% tal-ħaddiema fultajm li kienu jaħdmu mas-servizz pubbliku u 71.5% li kienu jaħdmu mas-settur privat.
Din l-informazzjoni hija biss relatata ma’ persentaġġi u għalkemm il-persentaġġ ta’ nies jaħdmu mal-Gvern naqas b’madwar 4%, dan ma jfissirx illi naqas in-numru.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Edward Scicluna għall-mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Laburista Clayton Bartolo.