Il-Ministru tal-Ġustizzja u Kultura Owen Bonnici żvela ilejla fil-Parlament illi l-użu tat-trasport pubbliku matul il-lejl tas-Sibt kien wieħed massiċċ. Huwa qal illi l-ewwel indikazzjonijiet juru illi kien hemm 'splużjoni' fl-użu tat-trasport pubbliku matul il-lejl tas-Sibt meta mqabbel ma' Sibtijiet normali.
Bonnici ammetta iżda li seta' kien hemm numru ta' ilmenti u ppropona illi l-Kunsilli Lokali wkoll jorganizzaw trasport tal-massa f'attivitajiet simili, bil-Gvern, jekk ikun hemm bżonn, jidħol biex jgħin.
Mistoqsi mid-Deputati tal-PN, Bonnici qal illi l-Gvern għażel il-Festa Maltija bħala t-tema għax din hija l-aktar espressjoni kulturali li jħobbu u li fiha jipparteċipaw il-Maltin.
Huwa kritika l-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa jekk hux vera li d-dawl fi triq ir-Repubblika nġiebx mill-Bali. Bonnici staqsa kif inhu issa biss li Fenech Adami jidher li qed idejquh id-dwal fit-tali triq, liema dwal ilhom fil-Belt Valletta minn qabel beda żmien il-Milied. Bonnici fakkar illi dawn id-dwal tpoġġew wara ħidma mill-komunità kummerċjali ta' Triq ir-Repubblika u ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-poplu.
Intant is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista indika li n-nefqa tal-ispettaklu għadha ma ġietx maħduma kollha.