Illum fil-kumitat LIBE fil-Parlament Ewropew se ssir diskussjoni fuq ir-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li kien sar aktar kmieni dan ix-xahar wara żjara f’pajjiżna minn MEPs ta’ gruppi politiċi differenti tal-parlament.
Din id-diskussjoni se tkun qed testendi fuq il-konklużjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport u wara li jiġi ffinalizzat l-abbozz, dan mistenni li jitressaq għal vot fis-sessjoni plenarja.
F’Malta l-MEPs kellhom diskussjonijiet dwar is-saltna tad-dritt u l-funzjoni tal-istituzzjonijiet ma’ għadd ta’ rappreżentanti fosthom partikolarment il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-MFSA u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Mill-konklużjonijiet tar-rapport irriżulta li l-whistleblower Russa Maria Efimova ma kinitx is-sors oriġinali tal-allegazzjonijiet li l-kumpanija fil-Panama Egrant kienet ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat. Irriżulta wkoll li l-bank Pilatus jopera b’numru żgħir ta’ klijenti fil-maġġoranza tagħhom sinjuri mill-Ażerbajġan u l-FIAU ma weġbitx jekk John Dalli rċeviex flus li għaddew mill-kumpanija 17 Black.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar dan l-allegazzjonijiet kollha fil-blogg tagħha. Hija nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Settembru li għadda.
Waqt id-dibattitu, l-MEPs sostnew li l-istrutturi f'Malta mhux kollha jiffunzjonaw u hawn prattiċi li mhux konformi mal-liġijiet Ewropej. Sostnew li hija prattika komuni f'Malta li 'jinxtraw il-voti bħalma qed tinxtara iċ-ċittadinanza Maltija.'
Sven Giegold mill-Ħodor qal li f'Malta hawn kultura tal-impunita, semma kif ma sarux investigazzjonijiet fuq il-ftehim mal-Electrogas u lanqas il-bejgħ tal-isptarijiet. Qal li mhix qed issir 'due diligence' kif mistenni.
Maria Grapini, li kienet ukoll parti mid-delegazzjoni qalet li ma ngħatawx ir-risposti għat-tweġibiet kollha li d-delegazzjoni għamlet lill-persuni li tkellmu magħhom. Qalet li għandu jkun hemm rispett lejn il-libertajiet taċ-ċittadini. Semmiet lil Austin Gatt u l-allegazzjonijiet kollha dwar ix-xiri taż-żejt.
David Casa sostna li persuni għolja fil-Gvern li nstabu b'korruzzjoni għadhom hemm jokkupaw il-pożizzjonijiet tagħhom. Qal li l-Ministru Owen Bonnici, li jinsab preżenti fis-sala, żgur li se jitkellem li l-Gvern Malti daħħal il-liġi tal-'whistleblowers' iżda ma jgħidx li qed jintagħżlu lil min tingħata protezzjoni. Qal li l-Ministru se jitkellem fuq it-tneħħija tal-libelli kriminali, iżda mhux se jgħid li l-assi ta' Daphne Caruana Galizia għadhom iffriżati. Casa sostna li l-Ministru Bonnici lanqas ma huwa se jgħid li l-Prim Ministru fetaħ l-appelli fil-Qorti biex itawwal iż-żmien biex toħroġ il-verita.
Ana Gomes qalet li t-tfassil tar-rapport kienet ħidma kollettiva tad-delegazzjoni u laqgħet l-istedina tal-Ministru Owen Bonnici. Sostniet li din id-delegazzjoni se tibqa' għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħħa fuq is-saltna tad-dritt f'Malta. Qalet li saru stediniet lill-bank Pilatus, Henley & Partners, il-Prim Imħallef biex jiltaqgħu mal-MEPs u qalet li saru laqgħat mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorita' Bankarja Ewropea. Qalet li veru li Malta daħlet id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus iżda din saret biss wara iż-żjara tad delegazzjoni.
Roberta Metsola qalet li l-konklużjonijiet tar-rapport juru l-ħtieġa li f'Malta teħtieġ bidla malajr. Sostniet li matul iż-żjara tagħhom f'Malta, l-MEPs membri tad-delegazzjoni ngħataw stampa ċara tas-sitwazzjoni preżenti tas-saltna tad-dritt. Elenkat kif il-Pulizija naqset milli tieħu passi u wisq inqas tinvestiga l-allegazzjonijiet li kienu qed isiru fuq ħasil tal-flus. Metsola tkellmet fuq il-ħtieġa li l-'whistleblowers' jingħataw il-protezzjoni u li l-ġurnalisti jkollhom il-liberta tal-istampa għaliex dawn huma drittijiet bażiċi.
Francis Zammit Dimech sostna li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien attakk dirett lejn il-libertà tal-informazzjoni li tingħata lill-poplu. Elenka n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Gvern għal dan ir-rapport. Iddeskriva kif il-Prim Ministru qal li hu jitkellem biss mal-Prim Ministri l-oħra u mhux mal-MEPs, li jirrappreżentaw lill-popli Ewropej. Zammit Dimech qal li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni kontra l-prattika tal-iSlapp, prattika li tintuża biex jingħalaq ħalq il-ġurnalisti.
Intant, ir-rapport issa mistenni jitressaq quddiem il-Kummissarju Ewropew Franz Timmermans.
Ara x'qal il-Ministru Owen Bonnici u iben Daphne Caruana Galizia, Andrew, hawnhekk