B’reazzjoni għad-deċiżjoni meħuda llum mill-Kummissjoni Ewropea, li ftit tal-ħin ilu għadha kemm approvat aktar fondi biex isiru l-istudji li jmiss fil-proġett tal-pipeline bejn Malta u Sqallija, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li jinsab sodisfatt ħafna li l-applikazzjoni mhux biss ġiet approvata iżda l-proġett ġie klassifikat l-ewwel wieħed u Malta se tkun qed tingħata aktar minn tliet miljun ewro u nofs, jiġifieri 50% tal-fondi eliġibbli.
Il-Ministru qal li b’din id-deċiżjoni se nkomplu nassiguraw li nimxu b’pass tajjeb fit-twettiq tal-gas pipeline li jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija.
“Din id-deċiżjoni tfisser bla dubju li l-Kummissjoni Ewropea temmen bis-saħħa fil-valur ta’ dan il-proġett. Min-naħa tiegħi ma nistax ma nirringrazzjax lill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u lil kull min ħadem u qed jaħdem f’dan il-proġett tax-xogħol tagħhom”, żied jgħid il-Ministru.
Dan hu wieħed mill-pilastri tal-Politika Nazzjonali ta’ pajjiżna dwar l-enerġija bl-iskop li nassiguraw sostenibbiltà, security of supply u affordabbiltà, temm jgħid il-Ministru Mizzi.