Illum, għall-ħabta tad-9:00 a.m. il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha minħabba persuna suspettuża, ġo ġnien Vilhena, il-Furjana.
Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fil-post indikat lilhom, fejn kif waslu sabu raġel jaqta xi ħaxix b’arma taqta u bil-ponta. Il-Pulizija ordnatlu jneħħi l-arma minn idejħ madanakollu huwa beda jirrejaġixxi b’mod agressiv u jxejjer l-arma.
L-agressur li iktar tard sar magħruf li huwa raġel miċ-Chad ta’ 23 sena, residenti l-Marsa, irreżista l-arrest u kien f’dan il-ħin li Surġent u Kuntistabbli sofrew xi ġrieħi f’idejhom. Ir-raġel qed jinzamm arrestat, filwaqt li għaddejjin Investigazzjonijiet mil-Pulizija tad-Distrett.
Iktar tard il-Kuntistabbli ġie ċċertifikat li sofra ksur, filwaqt li s-Surġent sofra ġrieħi ħfief.
Meta tressaq il-Qorti, l-akkużat kien aggressiv u beżaq ukoll lejn il-ġurnalisti li kienu qed jirrappurtaw. Huwa ddeċieda li ma jitkellimx u lanqas iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu. Huwa nżamm arrestat.