Fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar se jiġu inawgurati tmien ‘check-in desks’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bħala parti mill-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-‘terminal’ tal-ajruport li se jiswa 12-il miljun.
Fi stqarrija, l-MIA qal li l-benefiċċji ta’ dan l-investiment se jinħass la jsiru x-xogħlijiet ta’ titjib fuq iċ-‘check-in desks’ eżistenti.
Dan it-titjib se jinkludi t-tibdil taċ-ċineg li jġorru l-bagalji.
Sabiex ikunu jistgħu jsiru dawn ix-xogħlijiet, se jingħalqu ‘check-in desks’ bejn Jannar u Marzu, bl-arranġament mistenni li jillimita temporanjament l-kapaċità tal-ajruport li jipproċessa ċ-‘check-in’.
Fis-sigħat bikrin tat-8 ta’ Frar li ġej se tingħalaq kompletament il-provvista tal-eneġija biex tinbidel is-sistema b’waħda li tissodisfa l-esiġenzi tas-sistema tal-ipproċessar tal-bagalji aktar kumplessa.
Il-passiġġieri huma mgħarrfa li partijiet mit-‘terminal’ u d-dawl ta’ barra se jiġu affetwati.