Il-Partit Demokratiku qed jitlob għar-riżenja taċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Projects Malta l-Inġinier James Camenzuli.
Fi stqarrija, l-PD qed isostni li l-kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare juri biċ-ċar kif l-entitajiet tal-Gvern qed jagħtu bix-xejn l-assi tal-pajjiż lill-investituri, li m’għandhomx fondi biżżejjed sabiex iħallsu għall-valur veru ta’ dawn l-assi u wisq iktar m’għandhom l-esperjenza fis-settur tas-saħħa.
Il-Partit Demokratiku saħaq li Projects Malta qed tkun involuta fi proġetti li minnhom mhux qed isir l-aħjar użu tal-assi tal-pajjiż u li mhux qed issir id-‘due diligence’ mistenni u lanqas prattiċi tajba.
Fl-istqarrija jingħad li l-uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għadhom qed jiddisponu mill-assi tal-poplu f’ċirkostanzi ferm dubjużi filwaqt li l-pubbliku qed isir jaf x’inhu jiġri mill-midja.
Għalhekk il-PD qed jitlob għar-riżenji tal-politiċi u l-kollaboraturi li tahthom qed isir dawn il-ftehimiet. Isostni li l-nuqqas min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jneħħi liċ-Chief of Staff u l-Ministru Konrad Mizzi jfisser li hu wkoll huwa kompliċi.