‘Soċjetà demokratika m’għandhiex tippermetti biża’ fost il-ġurnalisti’
- Il-pajjiżi membri tal-UE għandhom l-obbligu li jipproteġu lill-ġurnalisti
- Pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu qafas regolatorju li ssaħħaħ il-midja
minn Albert Gauci Cunningham
L-Ewropa trid li ssaħħaħ il-libertà tal-midja u l-ġurnalisti kif ukoll ikun hawn aktar pluraliżmu fix-xandir. Dan permezz tal-emendi u l-vot f’sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew għar-rapport tal-MEP Taljana Barbara Spinelli. Fuq dan ir-rapport saret diskussjoni sħiħa fil-Kumitat tal-Kultura tal-Parlament Ewropew (CULT) u qed jissuġġerixxi bosta temi li għandhom jiddaħħlu jew li jissaħħu fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-opinjoni tal-MEP Taljan Curzio Maltese.
L-awtoritajiet bi dmir li ma jimplimentawx restrizzjonijiet fuq il-libertajiet
Ir-rapport ta’ Spinelli jgħid fost l-oħrajn li l-awtoritajiet għandhom id-dmir mhux biss li ma jimplimentawx restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni, iżda wkoll l-obbligu pożittiv li jintroduċu qafas regolatorju legali li jsaħħaħ l-iżvilupp tal-midja ħielsa u indipendenti. Issir referenza għall-konklużjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, li l-abbużi u l-krimini fuq il-ġurnalisti mill-istat u istituzzjonijiet oħra mhux Governattivi, iħallu effett negattiv kbir fuq il-libertà tal-espressjoni li tispiċċa ssaħħaħ is-sens ta’ biża’ fost il-ġurnalisti, bloggers u dawk kollha jistgħu jagħtu l-informazzjoni. Dan bir-riskju li tikber iċ-ċensura u li tiġi imminata d-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni u li jipparteċipaw.
Għalhekk ir-rapport jappella lill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea sabiex jieħdu dawk il-miżuri kollha adegwati biex jissalvagwardjaw u jippromwovu l-midja indipendenti għas-servizz tas-soċjetà demokratika. Dan jinkludi wkoll li l-midja pubblika u tal-Istat tkun indipendenti u sostenibbli. Jappella wkoll lill-Istituzzjonijiet Ewropew li jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħ taċ-Charter tad-Drittijiet tal-Bniedem u jintroduċu assessjar kontinwu tal-mekkaniżmu demokratiku, filwaqt li l-pajjiżi membri għandhom jaraw li jkun hawn biżżejjed sigurtà lill-ġurnalisti u l-midja kollha. Dan jinkludi wkoll kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol u l-ħarsien tad-dinjità.
Il-pajjiżi membri tal-UE għandhom jieqfu jippruvaw jaraw min huma s-sorsi
Ir-rapport ta’ Spinelli jidħol fid-dettall ukoll fuq il-mezzi moderni tal-komunikazzjoni fosthom dawk diġitali u kif dawn iħallu impatt fuq il-mod kif il-ġurnalisti jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni. Fost dawn jingħad li l-anonimità u l-‘encryption’ huma għodda essenzjali sabiex il-midja teżerċita d-dritt demokratiku għal-libertà, filwaqt li żżomm il-kunfidenzjalità tas-sorsi. Għalhekk ukoll isir appell lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri sabiex jieqfu milli jaddottaw miżuri mhux meħtieġa u sproporzjonati biex jimminaw l-‘encryption’ jew biex jippruvaw jakkwistaw l-informazzjoni jew jikxfu l-identità tas-sorsi. L-‘encryption’ huwa mezz kif jintbagħtu messaġġi minn persuna għal oħra, b’tali mod li tista’ tara din il-komunikazzjoni l-persuna li hija intiża li taraha biss.
Biża’ li l-midja tinżamm ostaġġ tal-kumpaniji li jirreklamaw
Għar-rapport ta’ Barbara Spinelli, il-Kumitat tal-Kultura tal-Parlament Ewropew (CULT), li huwa wkoll responsabbli mill-midja, ressaq numru ta’ suġġerimenti għal emendi li għandhom jitressqu formalment il-ġimgħa d-dieħla. Il-CULT enfasizza fuq id-dritt għall-aċċess tal-informazzjoni indipendenti u ħielsa għaliex il-midja hija l-pilastru tad-demokrazija. Enfasizza wkoll fuq il-poter li tal-entitajiet kummerċjali li jista’ jkollhom fuq il-midja billi jżommuha ostaġġ tar-reklamar u b’hekk isir rappurtaġġ b’aġenda. Il-CULT irrimarka li l-informazzjoni ħielsa fl-Ewropa tinsab imminata biż-żieda tal-intimidazzjoni u attakki fuq il-ġurnalisti bħalma ġara fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-MEP Malti fil-CULT, Francis Zammit Dimech qal li f’Malta għandna sitwazzjoni fejn, meta 'whistleblower' jikxef xi ħaġa li hija favorevoli għall-Gvern, dan jingħata l-kuntratti u salarji għoljin iżda meta s-sitwazzjoni tkun bil-kontra u l-'whistleblower' jikxef informazzjoni pereżempju relatata mal-ħasil tal-flus, jispiċċa intimidat u mhedded.