Il-fundatur ta' kumpanija b''rabta' mal-Brexit jingħata ċ-ċittadinanza Maltija

Christopher Chandler minn New Zealand jidher fil-lista tal-ismijiet al-persuni li xtraw iċ-ċittadinanza fl-2016

Il-fundatur ta' Legatum, Christopher Chandler
Il-fundatur ta' Legatum, Christopher Chandler

Il-Financial Times qed tirrapporta li l-fundatur ta’ kumpanija f’Dubaj b’rabta mal-Brexit ingħata ċ-ċittadinanza Maltija.

Christopher Chandler minn New Zealand, li huwa l-fundatur ta’ Legatum Group jidher fil-lista tal-ismijiet li ppubblika l-Gvern ix-xahar li għadda tal-persuni li xtraw iċ-ċittadinanza fl-2016.

Skont ir-rapport tal-Financial Times, il-kumpanija tal-investimenti Legatum f’Dubaj hija l-kumpanija ewlenija wara l-Fondazzjoni Istitut Legatum, li spiċċat taħt skrutinju minħabba l-pożizzjoni b’rabta mal-Brexit.

Il-Financial Times tgħid li skont figuri tal-2016, il-Legatum Foundation Ltd ipprovdiet £3.9 miljun minn total ta’ £4.3 miljun lil ‘think-take’ li wara l-vot tar-referendum tal-Brexit ingaġġat numru ta’ ewroxjettiċi.

Rapporti oħra dwar Legatum u l-biljunarju Christoper Chandler dehru wkoll fit-Times ta' Londra u gazzetti oħra fir-Renju Unit. 

Fil-lista tal-persuni li xtraw iċ-ċittadinanza permezz tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Legatum Mark Stoleson.

Fi tweet, l-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech sostna li l-ismijiet li qed jissemmgħu li xtraw iċ-ċittadinanza tispjega s-segretezza kollha min-naħa tal-Gvern u jisħaq li jkun hawn aktar trasparenza.

Legatum Group ġiet irrappurtata ssostni li x-xogħol tal-Legatum Institute Foundation dwar il-Brexit beda biss wara d-deċiżjoni tar-referendum li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Legatum ssostni li wara r-riżultat tar-referendum, l-irwol tal-Fondazzjoni kien dak li jidentifika opportunitajiet ġodda għar-Renju Unit wara t-tluq mill-Unjoni.

Legatum ma rrisponditx lill-Financial Times dwar ix-xiri taċ-ċittadinanza Maltija minn Chandler u Stoleson.

Fir-rapport tad-delegazzjoni tal-MEPs li ġew Malta f’Diċembru dwar is-saltna tad-dritt, fost ir-rakkomandazzjonijiet, jingħad li l-Gvern Malti għandu jippubblika separatament il-lista tal-persuni li jixtru ċ-ċittadinanza bl-IIP u dawk li jingħataw ir-residenza.

L-MEPs jissuġġerixxu wkoll li għandu jsir assessjar tal-IIP u l-proċeduri li qed jittieħdu kontra l-ħasil tal-flus.

Malta iżda huwa l-uniku pajjiż fost dawk li fl-Unjoni Ewropea għandhom skema ta’ ċittadinanza li jippubblikaw l-ismijiet.

More in Politika