Casa jitlob lill-Kunsill tal-Ewropa jinvestiga l-FIAU u l-bank Pilatus

David Casa ressaq numru ta’ tħassib għall-attenzjoni tal-Moneyval tal-Kunsill tal-Ewropa 

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ressaq numru ta’ tħassib għall-attenzjoni tal-entità permanenti tal-monitoraġġ tal-ħasil tal-flus tal-Kunsill tal-Ewropa (Moneyval).

Dan jikkonċerna l-FIAU u l-liċenzja tal-bank Pilatus. Casa għamel referenza għal ittra li l-FIAU bagħtet lil Pilatus wara r-riżenja tad-Direttur tal-FIAU Manfred Galdes.

David Casa qal li immedjatament wara r-riżenja ta’ Galdes, l-FIAU wettqet spezzjoni ġdida tal-bank u fi kliem l-MEP ‘mirakolożament’ l-Aġent Direttur tal-FIAU kkonkluda li ma kienx hemm aktar diffikultajiet mal-bank dwar dokumenti li ma kienux ngħataw.

L-MEP ddeskriva bħala ‘tad-daħk’ kif ksur tad-direttivi kontra l-ħasil tal-flus f’Mejju, jistgħu jitwarrbu għax d-dokumenti mitluba jiġi ppreżentati f’Awwissu.

Il-Moneyval se tkun qed tibgħat rappreżentanti f’Malta f’Novembru li ġej.

Din id-delegazzjoni se tkun qed twettaq assessjar ta’ Malta u kemm il-liġijiet huma konformi mal-prinċipji tal-istandards internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus.

David Casa talab biex din id-delegazzjoni tagħti attenzjoni partikolari għar-rapporti tal-FIAU li jikkonkludu li l-Pulizija għandha tieħu azzjoni kontra ċ-'Chief of Staff' tal-Prim Ministru, filwaqt li informa lil Moneyval dwar rapport ieħor tal-FIAU li jgħid li l-Pulizija kellhom jieħdu azzjoni wkoll fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, liema rapport fi kliem l-MEP ilu jingħata l-ġenb minn Marzu tas-sena li għaddiet.

David Casa appella lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Moneyval Matthias Kloth biex jaqsam l-informazzjoni li tah mad-delegazzjoni li se twettaq l-evalwazzjoni fuq Malta.

More in Politika