Intervista | 'Bl-iSLAPP qisek qed tuża l-missili kontra min jagħmel protesta paċifika'

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech jitkellem mal-ILLUM dwar l-użu tal-ISLAPP, l-irwol tiegħu fir-rapport tal-Parlament Ewropew fuq il-libertà tal-midja u l-lealtà lejn il-Kap tal-PN Adrian Delia

Ftit wara li ntemmet id-diskussjoni dwar l-abbozz tad-delegazzjoni ta’ MEPs li ġew Malta biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt, iltqajna mal-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament Ewropew.

F’din l-intervista ridna nistaqsuh fuq ir-rapport dwar il-libertà tal-midja, suġġett li f’Malta bħalissa jinsab fuq fomm kulħadd.

Għalkemm fil-Parlament Ewropew, hija l-ewwel esperjenza għal Zammit Dimech huwa ilu fil-politika għal bosta snin u fil-fatt huwa meqjus bħala bniedem leali lejn il-partit li fih jimmilita, speċjalment wara li baqa’ jagħti sehem wara li kien ħareġ tellief fit-tellieqa għall-Kap tal-partit tal-2013 u għalhekk ukoll iddeċidejna li nitkellmu miegħu fuq is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista bħalissa.

Daphne Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba
Daphne Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba

Kieku l-Gvern ħa lil Caruana Galizia bis-serjetà, għadha ħajja

Francis Zammit Dimech huwa responsabbli minn rapport Ewropew dwar il-midja. Hekk kif fil-fatt l-MEP jgħallem dan is-suġġett fl-Università ta’ Malta, qalilna li mal-istudenti jenfasizza li “mhux ngħidu li l-libertà mhix biss li nitkellmu fuq dak li jixtiequ, imma wkoll id-dritt tas-soċjetà li tirċievi l-informazzjoni.”

Hawnhekk irrefera għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza u fisser li issa m’għandniex l-aċċess għall-informazzjoni kollha li hi kellha, “ġiet imfixkla u maħnuqa l-libertà tagħna li konna nsegwu dak li kienet tiżvela.”

“Li kieku dak li żvelat kien investigat u qed issir ġustizzja, kieku bla ebda dubju li kienet tkun f’pożizzjoni ta’ sigurtà ferm akbar għaliha nnifisha.”

L-MEP enfasizza li kieku n-nies li ssemmew fil-blogg ta’ Caruana Galizia ġew investigati b’serjetà kien “ikollhom ferm inqas ċans li jagħmlu komplotti ġodda.

Huma tħallew mhux biss jaħsbu kif joqtluha, imma li saħansitra jgawdu minn impunità totali. Li kieku l-Gvern ħa bis-serjetà dak li kienet qed tiżvela u ħa bis-serjetà l-ħtieġa tal-protezzjoni tagħha, kieku hi għadha ħajja.”

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech

L-Ewropa b’direttiva sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti mill-islapp

Staqsejna biex jiddeskrivilna aktar fid-dettall dak li qiegħed jagħmel hu mill-Parlament Ewropew sabiex tissaħħaħ mhux biss il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sorsi tagħhom imma wkoll id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-kelma, b’mod speċjali bir-rapport fuq il-midja li qed jaħdem fuqu.

Iddeċidejna li nkellmuh fuq żewġ suġġetti partikolari li joħorġu mir-rapport, li huma l-islapp u dak li qed jiġi deskritt bħala l-midja ostaġġ tar-reklamar.

Il-mistoqsijiet tagħna għamilnihom fil-kuntest ta’ Malta u taċ-ċokon tagħna. Francis Zammit Dimech spjegalna li Slapp hija s-sistema strateġika kif tagħlaq ħalq ġurnalist, u flok jittieħdu proċeduri normali fil-Qrati ta’ Malta, jinfetħu libelli fi Qrati barranin bl-iskop li l-ispejjeż ikunu eżorbitanti biex ifallu lil dik il-midja.

Jgħid li ma jrid jagħmel Slapp juża l-argument li dak li jkun qal ġurnalist ma jidhirx biss f’Malta imma jidher madwar id-dinja f’verżjoni elettronika u fl-użu tal-mezzi soċjali. “Dan ipoġġi f’riskju ta’ problemi finanzjarji kbar lill-ġurnalist u jsir sabiex jintuża poter kbir finanzjarju kontra l-ġurnalisti biex jisktu għal dejjem.”

Zammit Dimech spjegalna li bil-mozzjoni mressqa mid-Deputat Jason Azzopardi, qed ikun propost li f’każ ta’ sentenzi kontra ġurnalisti Maltin minn Qrati barranin f’pajjiżi li ma jkollhom x’jaqsmu xejn b’mod reali mal-każ, l-Awtoritjiet Maltin ma jkunux obbligati li jagħtu effett tas-sentenza.

Spjega li fil-livell Ewropew ukoll “qed ngħidu ejja naħdmu sabiex ikun hawn direttiva, li mhux se nippermettu li jintużaw dawn il-metodi fuq il-ġurnalisti. Fejn tintuża din l-arma, li hija wkoll sproporzjonata, qisek qed tuża l-missili kontra min qed jagħmel protesta paċifika.”

‘Il-Gvern ma jistax juża reklamar biex iżomm il-midja ostaġġ’

Id-diskussjoni daret fuq ir-reklamar u kif il-midja tista’ tispiċċa ostaġġ, Zammit Dimech qalilna li jekk dik il-midja tkun tiddependi totalment minn xi kumpanija partikolari għar-reklamar, “ikun diffiċli ħafna għal dak il-ġurnal biex jagħti l-informazzjoni li ma tkunx taqbel mal-interessi kummerċjali, jekk dawn ikunu kbar ħafna li jippruvaw joħonqu l-vuċi tal-midja.”

Qalilna li f’Malta dan l-argument isir għal kumpaniji kbar imma għandu jsir ukoll ghall-Gvern “għaliex irridu nassiguraw li meta jiġi biex jagħmel reklamar, ma jkunx qed jagħmel hekk b’mod li jiddeskrimina bejn gazzetti differenti.”

Spjega li s-saħħa ekonomika tal-Gvern “ma tista’ qatt tintuża b’mod diskriminatorju, ma tistax tintuża b’mod li l-midja tispiċċa ostaġġ, għaliex dan ir-reklamar isir mit-taxxi tal-poplu.”

Zammit Dimech qal li hemm prinċipju fil-Kostituzzjoni, kif ukoll dritt fundamentali tal-bniedem fejn il-Gvern ma jistax jiddiskrimina b’mod politiku. Hu iżda jemmen li dan mhux qed jiġri.

Il-Parlament Ewopew fi Brussell
Il-Parlament Ewopew fi Brussell

‘Il-Parlament Ewropew huwa parlament tal-poplu Malti daqs tal-Belt’

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista kien ukoll voċiferu fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, u biż-żjarat li kelna matul dawn l-aħħar xhur mill-Kumitat PANA kif ukoll minn delegazzjoni ta’ MEPs mill-gruppi politiċi kollha, staqsejna lil Zammit Dimech jekk dawn iż-żjarat hux qed jispiċċaw itappnu l-kredibilità ta’ Malta.

Spjega li meta l-MEPs jiġu f’Malta biex jaraw mill-qrib u “minflok jingħataw risposti ċari, imorru lura aktar inkwetati milli ġew, it-tort ma jkunx ta’ min qed ifittex il-verità.” Ġab l-eżempju li meta jsir rapport fuq ħalliel mhux min jagħmel ir-rapport ikun tappan ir-reputazzjoni tal-ħalliel imma jkun tappanha l-ħalliel stess bl-aġir tiegħu.

Qal li hu ma jridx jibqa’ jara ġurnalisti ta’ fama dinjija li jiddeskrivu lill-Prim Ministru bħala l-‘artful dodger’ tal-Ewropa. “Aħna ma niħdux pjaċir meta naraw ċertu rapporti u kien bi sforz u ħidma kbira min-naħa tagħna li ma ħallejniex li Malta tiġi deskritta bħala ‘tax haven’.” 

Hawnhekk l-ILLUM staqsiet allura xi jwieġeb lil kull min qed jiddeskrivi lill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista bħala tradituri, b’Zammit Dimech iwieġeb li “min jgħid li aħna tradituri m’għandux l-iċken idea ta’ kif taħdem id-demokrazija, għadu ma fehemx jew ma jridx jifhem jew taparsi ma fehemx li l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-poplu Malti bħalma huwa l-parlament tal-Belt.”

Qal li f’parlament tirrappreżenta lin-nies li jkunu tellgħuk u tressaq il-problemi li jkunu qed jinkwetawhom u l-istess il-Parlament Ewropew, “li huwa l-parlament tal-popli kollha inkluż dak Malti.”

Dorna wkoll fuq is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif Francis Zammit Dimech ilu snin twal f’dan il-partit u rah jinbidel kemm-il darba. Iddeskriva kif għex tiġrijiet kbar fit-tmexxija tal-PN fi żmien meta pereżempju Eddie Fenech Adami ħa f’idejh it-tmun fit-tiġrija li kienet ikkontestata minn Guido de Marco u Ċensu Tabone. Meta ħa f’idejh it-tmexxija Lawrence Gonzi u aktar tard Simon Busuttil.

Qal li kull partit politiku jrid jgħaddi minn proċess ta' tiġdid wara elezzjoni ġenerali u li l-Partit Nazzjonalista kellu l-kuraġġ “li s’issa l-Partit Laburista ma kellux li jagħti wkoll din id-deċiżjoni lill-għeruq tal-partit, it-tesserati kollha tiegħu.”

Francis Zammit Dimech għamel appell lill-kollegi tiegħu fil-partit, “ngħidha kemm b’lealtà lejn il-partit u b’esperjenza, ejja nħarsu lejn dak li l-partit irid iwettaq għall-poplu kollu.”

Attivisti Nazzjonalisti waqt il-mass meeting tal-Indipendenza
Attivisti Nazzjonalisti waqt il-mass meeting tal-Indipendenza

‘Il-lealtà mhix biss lejn il-Kap u l-partit imma wkoll lejn il-poplu’

Zammit Dimech qal li d-deċiżjonijiet interni ttieħdu u jridu jiġu rrispettati, spjega kif hu kien ikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-partit flimkien ma’ Simon Busuttil, Mario de Marco u Ray Bezzina u għalkemm ma kienx rebbieħ “bqajt leali lejn il-partit u bqajt nagħmel l-almu kollu tiegħi, għax il-lealtà mhix biss għall-Kap, diġà hija importanti dik, lanqas ma hija biss għall-partit imma hija għall-poplu kollu.”

Saħaq li fil-preżent il-poplu għandu bżonn aktar minn qatt qabel li jkun hawn Partit Nazzjonalista b’saħħtu “għax l-iskandli li konna niżvelaw qabel għadhom hemm u magħhom qed jiżdiedu skandli ġodda.”

Hekk kif Francis Zammit Dimech kien elett fil-Parlament Ewropew fis-sajf li għadda, fl-elezzjoni każwali għall-post battal ta’ Therese Comodini Cachia, għalaqna din l-intervista bil-mistoqsija dwar dak li ra differenti f’dawn ix-xhur fil-Parlament Ewropew mill-parlament Malti. Qal li l-Parlament Ewropew jaħdem b’mod professjonali esprima x-xewqa li l-Parlament ta’ Malta ikun jista’ jsegwi dawn l-eżempji wkoll.

Spjega l-aktar esperjenzi sinjifikattivi għalihom f’dawn l-aħħar xhur bħala Ewroparlamentari kien is-sehem f’delegazzjonijiet fil-Libanu, fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Harari, f’ċirkostanzi importanti għal dak il-pajjiż, u d-delegazzjoni fis-Sudan dwar suġġetti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem.

More in Politika