350 persuna jipparteċipaw fir-riċerka estensiva dwar is-suq tal-kera
...il-white paper dwar is-suq tal-kera fl-istadji finali
minn Albert Gauci Cunningham
Ħames xhur ta’ riċerka estensiva dwar is-suq tal-kera ġew fi tmiemhom fil-jiem li għaddew hekk kif il-White Paper proposta mill-gvern dwar dan il-qasam qed toqrob dejjem aktar qrib. Fil-fatt, din il-gazzetta hi infurmata li r-riċerka li bdiet lura minn Settembru bħala parti integrali mill-White Paper li se tiġi proposta, issa ġiet fi tmiemha. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet f’livelli għolja qabel titnieda b’mod uffiċċjali l-white paper u l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Ir-riċerka involviet aktar minn 35 entità, li jvarjaw minn Dar Suriet il-Bniedem, Dar Papa Franġisku, Alleanza Kontra l-Faqar, Aġenzija Żgħażagħ, Caritas, JRS, Graffitti u Richmond Foundation. Kienu jinkludu wkoll partijiet interessati, bħall-Kamra tal-Periti, il-Malta Developers Association, u l-Malta Employers Association sa ditti kummerċjali li jħaddmu ammont kbir ta’ ħaddiema fis-setturi tal-avjazzjoni (Lufthansa, Vistajet, Medavia), tal-Gaming (Betsson, LeoVegas, Betfair) tal-Propjetà (Simon Mamo Estates, Remax, Dhalia, Sensara Malta, Engel & Volkers) u ditti Maltin oħra (bħal Simonds Farsons Cisk, Chemimart u Consolidated Biscuits). Dawn kollha għenu lill-‘policy team’ li twaqqaf fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex ipinġu l-aktar stampa realistika u ħolistika possibli tas-settur tal-kera.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wkoll kienu stakeholders ċentrali f’din ir-riċerka. Fost oħrajn, il-Bank Ċentrali provda l-parametri li jiddeterminaw persuna tistax issir sid ta’ darha jew le, filwaqt li l-NSO tat riċerka u pariri dwar aspetti li jwasslu għal riskju ta’ poverta u homelessness. Permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet, seta’ jinbena profil konċiż ta’ min jikri u x’għażliet għandu quddiemu l-kerrej.
Barra dawn l-entitajiet, il-gvern ikkonsulta wkoll ma’ uffiċċji oħra li setgħu kellhom tagħrif speċifiku bħal Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC), il-Gozo Business Chamber, l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika, il-Malta Chamber of Commerce, ir-Rent Regulation Board fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja, u l-Fakultà tal-ġid tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li barra din ir-riċerka, saru wkoll żewġ tipi ta’ stħarriġ li għalih ipparteċipaw total ta’ 350 parteċipant.
F’kummenti ma’ din il-gazzetta, is-Segretarju Parlamanteri Roderick Galdes qal li “din ir-riċerka hi bla preċedent, għaliex qed ngħixu fi żmien ekonomiku ta’ prosperità kbira li hija wkoll bla preċedent. Issa l-pass li jmiss hu li permezz tal-whitepaper nagħtu serħan il-moħħ lis-sidien u protezzjoni lill-inkwilin li qed joperaw f’suq tal-kera li mhux stabbli.
“Iżda l-ewwel pass biex il-White Paper toffri soluzzjonijiet reali kienet li jkollna riċerka komprensiva li tkopri l-aspetti ekonomiċi, soċjali u legali. Fiduċjuż li din il-ħidma se tħalli l-frott mixtieq,” temm jgħid mal-ILLUM Galdes.