Il-PD b'talba formali biex il-PN jagħtih parti mill-fondi Parlamentari
“Aħna ma tlabnihom xejn biex użaw il-palk u l-midja tagħna qabel l-elezzjoni" - Clyde Puli
minn Yendrick Cioffi
Illum.com.mt jista’ jiżvela li fis-sigħat li ġejjin, il-Partit Demokratiku se jkun qed jippreżenta talba formali lill-Partit Nazzjonalista biex jingħata parti mill-fond parlamentari li jinqasam bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku mhux jaqblu dwar jekk fil-Parlament hemmx Oppożizzjoni waħda u għalhekk x’għandu jsir bil-fond Parlamentari ta’ €200,000 li huwa allokat lill-gruppi politiċi biex ikunu jistgħu jwettqu r-riċerka tagħhom.
Il-Partit Demokratiku qed jisħaq li huwa separat mill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni u għaldaqstant qed jinsisti li għandu jingħata parti mill-€100,000 mogħtija lill-Partit Nazzjonalista.
Sa issa, dan il-fond dejjem inqasam bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.
Il-PD jrid €6,200
Ma’ dan is-sit, il-Kap tal-PD, Anthony Buttigieg qal li huma qed jistennew li l-Partit Nazzjonalista jagħtihom €6,200, skont il-proporzjon taż-żewġ siġġijiet li għandu l-Partit Demokratiku.
Buttigieg saħaq li l-Ispeaker irrikonoxxa lill-Partit Demokratiku bħala partit separat mill-Oppożizzjoni, tant li issa d-Deputati tal-Partit Demokratiku għandhom ħin allokat għalihom waqt id-dibattiti Parlamentari.
“Hemm Oppożizzjoni waħda u Kap tal-Oppożizzjoni wieħed” - Clyde Puli
Iżda mal-Illum.com.mt, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, insista li fil-Parlament hemm Oppożizzjoni waħda u liż-żewġ deputati tal-PD huma parti mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni.
“Hemm Oppożizzjoni waħda u Kap tal-Oppożizzjoni wieħed,” saħaq Puli. “Dan il-fond jintuża mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni li huwa wieħed.”
Fakkar ukoll fir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali fejn insista li l-kandidati tal-PD ġabu "biss" 5,105 voti u li kienet Marlene Farrugia biss li ġiet eletta wara li wirtet il-maġġoranza tal-voti mingħand il-kandidati tal-PN fuq l-10 distrett. Kompla jfakkar li Godfrey Farrugia kiseb siġġu wara li l-Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li jċedi siġġu tiegħu fuq is-7 distrett.
Meta mistoqsi jekk kienx hemm diskussjoni mal-Partit Demokratiku fuq il-possibilitá li dan jingħata parti mill-€100,000, Clyde Puli wieġeb li qabel l-elezzjoni, “ma tlabnihom xejn biex jużaw il-palk u l-midja tagħna."
"Il-PN qed jikkontradixxi lilu nnifsu" - Anthony Buttigieg
Iżda, min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PD qal li l-Partit Nazzjonalista qed jikkontradixxi lilu nnifsu meta jgħid li fil-Parlament hemm partit wieħed fl-Oppożizzjoni. Fakkar li fil-ġimgħat li għaddew il-Partit Nazzjonalista vvota biex il-Forza Nazzjonali tkun xolta.
Din il-kwistjoni qamet ukoll din il-ġimgħa fil-Parlament meta d-Deputat Godfrey Farrugia staqsa lill-Ispeaker kemm ħadu l-Gvern u l-Oppożizzjoni kull wieħed u x’għandu jagħmel il-Partit Demokratiku biex jieħu sehmu.
L-Ispeaker saħaq li fil-Parlament hemm Oppożizzjoni waħda u l-Kamra ma tidħolx fil-kwistjoni ta’ kif għandhom jinqasmu l-fondi mogħtija lill-Oppożizzjoni.
Waqt li kkwota l-Qorti Kostituzzjonali, l-Ispeaker fakkar li din kienet iddeċidiet li hemm Oppożizzjoni waħda u hu mhux f’pożizzjoni li jagħmel differenza bejn iż-żewġ partiti u għalhekk ħeġġeġ lill-Partit Nazzjonalista u lil Partit Demokratiku biex jilħqu ftehim bejniethom.
Anthony Buttigieg insista wkoll li fuq bażi ta’ partiti, ma hemm l-ebda koperazzjoni bejn il-PN u l-PD. Qal li hu kien ta n-numru tiegħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex meta jrid jikkuntatjah u jiddiskutu fuq kwalunkwe kwistjoni, iżda jidher li Delia qatt ma ħass il-ħtieġa li jikkuntatjah.