L-AD takkuża lill-MPT li qed tħaddem lix-xufiera mill-Pakistan biċ-'cheap labour'

Alternattiva Demokratika tgħid li l-Maltin mhux qed japplikaw biex jidħlu jaħdmu bħala xufiera għax 'mhumiex stmati' u jitħallsu ftit

Il-kelliem ta’ Alternattiva Demokratika dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Ralph Cassar stieden lill-gvern biex jinvesti fil-ħaddiema tat-trasport pubbliku, "minflok qed jipposponi l-problema tat-traffiku billi jwessa' t-toroq."

"Minflok għandu jsir investiment f’trasport alternattiv u fit-tisħiħ tas-sistema ta’ trasport pubbliku. Il-fatt li  MPT, li topera b’kuntratt mogħti mill-gvern, qed tirrikorri għal sewwieqa mill-Pakistan, juri li fit-trasport pubbliku l-politika hija dik taċ-‘cheap labour’ fejn il-ħaddiema li joperaw is-servizz mhux stmati."

Il-kelliem ta’ AD Ralph Cassar staqsa: "Dan ifisser li l-gvern, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontrolla l-kuntratt ta 'servizz ma' MPT, huwa kuntent bis-sitwazzjoni u qed jaċċetta li l-ħaddiema tat-trasport pubbliku jitħallsu bl-irħis? Hekk jiġu trattati l-ħaddiema ta’ servizz essenzjali f’ekonomija Ewropea b'saħħitha?"

"Kif mistenni l-MPT mhix qed tlaħħaq mad-domanda għat-trasport pubbliku peress li m'hemmx biżżejjed ħaddiema biex joperaw is-servizz. Aħseb u ara kemm se żżid aktar servizzi. Ir-raġuni għaliex hija evidenti. Is-sewwieqa tat-trasport pubbliku mhumiex stmati sew. Pagi baxxi u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol ifissru li l-ħaddiema lokali mhumiex jagħżlu t-trasport pubbliku bħala karriera li permezz tagħha jistgħu jħossuhom kburin li joffru servizz utli u essenzjali lill-pubbliku" qal Cassar. 

b’madwar 200 sewwieq inqas milli meħtieġ biex l-operaturi tas-servizz iżommu mal-iskedi, in-nies qed isibu li l-karozzi tal-linja jgħaddu mimlijin Alternattiva Demokratika

"L-uniku triq il quddiem hija li l-gvern jieħu miżuri biex ix-xogħol fit-trasport pubbliku isir attraenti u dinjituż. Il-kuntratt għandu jiżgura li l-ħaddiema f'dan is-settur importanti jingħataw kumpens ġust u kundizzjonijiet dinjitużi. Il-Gvern għandu jieqaf jikkunsidra s-servizzi pubbliċi bħala xi ħaġa li ssir bl-irħis minn fuq dahar il-ħaddiema. Huwa importanti li fil-qasam tat-trasport pubbliku ma jsegwix il-mudell tal-predeċessur tiegħu. "

Cassar temm ifakkar illi "b’madwar 200 sewwieq inqas milli meħtieġ biex l-operaturi tas-servizz iżommu mal-iskedi, in-nies qed isibu li l-karozzi tal-linja jgħaddu mimlijin. Huwa ċirku vizzjużli mhux se jattira aktar nies u se jkompli jħalli passiġġiera mweħħlin jistennew, meta l-pajjiż għandu bżonn aktar u aktar nies jużaw it-trasport pubbliku. Biex t-trasport pubbliku jissaħħaħ hemm bżonn żieda fis-servizzi, żieda fil-karozzi tal-linja u ukoll żieda fis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u ħaddiema oħra tekniċi u ta’ sapport. Dan ifisser salarji deċenti u attraenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin kif ukoll żieda fis-sussidji.”

 

More in Politika