VGH: Il-kalkoli politiċi wara l-kontroversji u l-mistoqsijiet
Il-ftehim mal-VGH fl-2015 jerġa’ jitla’ fil-wiċċ b’vendetta... imma dan l-iskandlu lil min se jgħolli? Lil min jaf ikisser? U għal min huwa l-ewwel xaqq ta’ tama? ....
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Vitals Global Healthcare qed tiddomina x-xena politika bħalissa. Bosta paġni u kolonni fil-gazzetti qed ikunu ddedikati għal din il-qassata politika. Primarjament dwar kif sar il-kuntratt fl-2015, min hemm wara l-istess kumpanija (bħala Ultimate Beneficiary Owner), kemm ħadet flus il-VGH mingħand il-Gvern Malti u x’fihom dawk il-partijiet tal-kuntratt li jinsabu mħassrin.
Dan apparti l-kwistjoni tal-istrajk tat-tobba u n-nuqqas ta’ informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema, kemm dawk li jaħdmu fl-isptarijiet u aktar u aktar dawk li jaħdmu fil-Management tal-istess kumpanija.
Dan il-każ probabilment qed idejjaq l-aktar lill-żewġ gruppi ta’ votanti. L-ewwel, dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PL, minkejja...
Filwaqt li fl-aħħar ġimgħat din il-gazzetta ppubblikat diversi stejjer kif ukoll tat ħarsa estensiva lura lejn is-sentejn li għamlet il-VGH f’Malta s’issa, l-għan ta’ din l-analiżi huwa li jagħti ħarsa lejn l-aspett purament politiku tal-kwistjoni kollha. Min se jitlef, min jista’ juża din il-kwistjoni biex iċċaqalqu naqra u min jaf jitlef il-qaleb u l-ġbejna prorpju minħabba din il-kwistjoni.
Il-popolarità tal-Gvern ta’ Muscat...
Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta oħt Maltatoday ippubblikat sondaġġ tal-opinjoni pubblika.
Minkejja li Adrian Delia għadu lura ħafna, fejn jidħol kalkolu ta’ min hu l-aktar fdat miż-żewġ mexxejja, kien immarkat tnaqqis ta’ 9.4% f’dawk li jafdaw lil Joseph Muscat l-aktar. Dan biex Muscat għadu fdat minn madwar 41% u Delia minn 15.4%.
Minħabba li dan is-sondaġġ sar hekk kif qed tiddomina ġmielha din il-kwistjoni partikolari, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni azzardata illi parti minn dan il-persentaġġ konsiderevoli f’telf ta’ fiduċja huwa riżultat dirett ta’ din il-kwistjoni partikolari, li qed dejjem tieħu iktar ix-xejra ta’ skandlu politiku kbir.
Ikun hemm min jistaqsi, imma allura kif dan il-każ huwa differenti minn dak li jinvolvi Ministru, Chief of Staff u kontijiet fil-Panama? Għax fil-verità lanqas meta faqqgħet il-kwistjoni ta’ kontijiet fil-Panama ta’ Konrad Mizzi, Muscat ma’ ra dan it-tnaqqis fil-fiduċja fi żmien tant qasir.
Probabilment id-differenza hija li fil-każ tal-VGH hemm affarijiet ħafna iktar tanġibbli.
Minkejja li xorta l-kwistjoni ddur ma’ kontijiet u struttura mill-aktar kumplessa ta’ kumpaniji, bħal kaxxa f’kaxxa ikbar, kuntrarjament għall-kwistjoni tal-Panama hawnhekk il-poplu qed jara xi ħaġa tanġibbli. Jiġifieri qed jara li x-xogħol fuq l-isptarijiet bilkemm beda u jekk huwa ħaddiem qed jara illi jinsab f’inċertezza, għax ftit li xejn huwa magħruf, min jinsab fejn.
Din id-darba wieħed jista’ jqabbel il-flus li ngħatat il-VGH bħala kumpanija (mal-€190,000 kuljum) max-xogħol li sar, filwaqt li xorta jżomm f’moħħu l-bosta mistoqsijiet serji li hemm dwar dan il-proġett.
Il-famuża ‘korruzzjoni’, perċeputa jew le, allura m’għadhiex xi ħaġa fl-arja li mhi qed tieħu xejn lill-pajjiż imma f’dan il-każ saret xi ħaġa iktar tanġibbli.
Sitwazzjoni antipatka għall-Fearne. Minn naħa jrid jiddefendi ftehim illi għandu mitt mistoqsija fuqu u b’nies b’passat dubjuż u min-naħa l-oħra ma jistax jidher li qed jirribella wisq kontra l-Ministru Mizzi...
Dan il-każ probabilment qed idejjaq l-aktar lill-żewġ gruppi ta’ votanti. L-ewwel, dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PL, minkejja kwistjonijiet bħal tal-Panama, ta’ Gaffarena (esproprijazzjoni ta’ proprjetà fi Triq Zekka), Cafè Premiere u anke (forsi) tal-bejgħ tal-passaporti. Jiġifieri l-vot lill-PL li kien iktar ‘kawt’ milli ‘entużjast’. U naturalment qed idejjaq ukoll lil dawk li vvutaw kontra Muscat, proprjament minħabba kwistjonijiet simili.
Minkejja li din kienet daqqa ta’ ponn għall-Gvern u probabilment, kif juri s-sondaġġ tal-Maltatoday, anke għall-immaġini politika ta’ Joseph Muscat, kif jgħidu bl-Ingliż its still very early days.
L-ewwel u qabel kollox għadna fil-bidu tal-leġiżlatura (l-elezzjoni ilha li saret biss tmien xhur) u t-tieni, wieħed għad irid jara Steward Healthcare, jekk eventwalment isir il-bejgħ, x’se joffru, kif se jmexxu u liema prodott finali se jkunu qegħdin jagħtu lura.
Minkejja li dan ma jneħħi xejn mis-serjetà tal-mistoqsijiet, dubji u l-istruttura tal-isptarijiet infushom, jekk Steward jirnexxilhom jagħmlu dak li m’għamlux VGH u jagħtu lura tliet sptarijiet skont kif maqbul, bil-livell li qed jingħad illi suppost se jsiru, allura l-attenzjoni u s-sinifikat tal-ftehim mal-VGH ikun innewtralizzat xi ftit.
Jiġifieri wieħed irid jara jekk ir-rabja li hemm bħalissa fost sezzjoni tal-popolazzjoni, speċjalment fost dawk li mhux neċessarjament jidentifikaw ma’ partit, hix se tibqa’ jew hux se tmajna maż-żmien.
L-akbar tellief; Chris Fearne
L-akbar tellief min-naħa tal-Gvern huwa bla dubju l-Ministru Chris Fearne. Fearne huwa Ministru ġeneralment rispettat, mhux biss minn ħafna Laburisti imma minn ħafna Nazzjonalisti wkoll. Dan joħroġ ċar minn diversi sondaġġi tal-kamra tal-aħbarijiet tagħna li fil-fatt kienu poġġew lil Fearne bħala l-aktar Ministru popolari sa qabel l-aħħar elezzjoni u t-tieni l-aktar Ministru popolari fost il-Laburisti.
Fl-aħħar elezzjoni, b’10,000 vot, huwa kiseb l-akbar numru ta’ voti wara ż-żewġ mexxejja politiċi.
Iżda dan kollu jaf isirlu suf hekk kif il-pressjoni fuqu biex iwieġeb mistoqsijiet qiegħda dejjem tikber. Fearne qiegħed fir-riskju illi jkun wisq assoċjat ma’ dan il-proġett, anke jekk forsi hu jħoss li dak ta’ Steward huwa ‘the real deal’.
F’nuqqas komplet ta’ informazzjoni u tweġibiet mill-Gvern il-każ qed ikompli jintefa’ taħt dawl mill-ekreh u miegħu Fearne. Li jfisser illi jekk nagħtu l-benefiċċju tad-dubju lil Fearne, u allura qed nimmaġinaw l-aktar xenarju politiku pożittiv għalih, hu jsir kważi ħati b’assoċjazzjoni, mhux b’azzjoni.
Issa wieħed irid ipoġġi dan kollu fil-kuntest politiku reali li għalkemm ħadd ma jammettih, jeżisti u jeżisti sew. Jiġifieri 1) Fuq bażi distrettwali u politika hemm kompetizzjoni ħarxa bejn Fearne u Konrad Mizzi li min jaf sew x’inhu jiġri minn wara l-purtieri tal-palk politiku jaf li tista’ saħansitra tasal għal animożità. Dan ifisser illi hawnhekk għandna żewġ politiċi, li anke jekk jgħidu mod ieħor, m’għandhom ebda interess li jaħslu wiċċ xulxin biex jidhru sbieħ. U dan qed jidher ċar. Konrad Mizzi li ffirma dan il-ftehim u li kien u għadu responsabbli minn Projects Malta, fl-unika darba li wieġeb dwar dan il-każ (meta sar il-ftehim bejn l-Air Malta u l-ALPA), fakkar illi hu kien mal-Ministru Fearne meta sar dan il-ftehim u li kien hemm il-qbil tal-kabinett. Fi ftit kliem; ħatja b’assoċjazzjoni jekk mhux ukoll b’approvazzjoni tal-proġett tal-VGH.
U 2) huwa mifhum ukoll illi jekk Joseph Muscat jiddeċiedi li jirreżenja fl-2019 Fearne ikun interessat illi jikkontesta elezzjoni għal Mexxej ġdid. Iktar kemm se jeħel miegħu dan il-każ, aktar se jagħmel ħsara lill-immaġini tiegħu u aktar kemm jiġri dan, aktar Fearne se jonqoslu ċ-ċans li jirbaħ din l-elezzjoni.
B’hekk ta’ Vitals Global Healthcare hija vera sitwazzjoni antipatka għal Fearne. Minn naħa jrid jiddefendi ftehim illi għandu mitt mistoqsija fuqu u b’nies b’passat dubjuż (u allura jirriskja jinħaraq politikament) u min-naħa l-oħra ma jistax jidher li qed jirribella wisq kontra l-Ministru Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-PM, għax jispiċċa jitlef il-qaleb u l-ġbejna u l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu jmutu mewta instantanja.
Verament, ‘between a rock and a hard place.’
Adrian Delia; id-duwa għall-marid?
Adrian Delia għadu ma jinsabx f’post tajjeb mil-lat ta’ popolarità. Minkejja tnaqqis drastiku fil-fiduċja li l-poplu għandu f’Muscat skont l-aħħar sondaġġ li qed nikkwotaw, il-fiduċja f’Delia hija waħda li għadha pjuttost miżerabbli (15.4%).
Minkejja l-kapaċità li jgħaddi l-messaġġ tiegħu b’mod aktar ċar u forsi b’mod li jinftihem u jkun apprezzat aktar minn sezzjoni kbira ta’ Nazzjonalisti (u anke Laburisti) minn Simon Busuttil, Delia għadu qed jiffaċċja reżistenza minn ġewwa u diżillużjoni qawwija minn barra.
Dan ifisser li Delia għandu bżonn żiemel tal-battalja, u bl-ikrah. Għandu bżonn dik il-kwistjoni li se turih bħala 1) avversarju b’saħħtu li qiegħed iżomm il-kontrolli fuq l-eċċessi tal-Gvern f’ċerti oqsma, 2) Persuna li se jkompli fejn ħalla Simon Busuttil f’dak kollu li jirrigwarda n-neċessità tat-trasparenza u governanza tajba u 3) bħala indubjament il-kap tal-PN u allura l-ikbar awtorità politika u morali f’dan il-partit b’140 sena ta’ storja.
Din tal-VGH tista’ tkun proprju dik il-kwistjoni, illi fuqha Delia jista’ jirkeb biex jibda jibni l-immaġini ta’ Kap u jerġa’ jibda jgħaqqad warajh lil dawk li għadhom mhux qed jarawh bħala idoneu.
Jekk Delia ma jirnexxilux jagħmel gwadann b’dan l-iskandlu, li qed jingħatalu fil-forma ta’ opportunità prattikament fuq platt tal-fidda mill-Gvern, allura probabilment huwa iktar diffiċli li...
Hija kwistjoni li qed tmiss il-governanza u allura l-aktar kwistjoni illi fiha Delia huwa meqjus minn ħafna Nazzjonalisti bħala mhux ikkwalifikat biżżejjed biex jitkellem.
Din in-nuqqas ta’ fiduċja fuq din il-kwistjoni partikolari kompliet tikkomplika lilha nnifisha meta Delia ma setax ikun preżenti fid-dimostrazzjonijiet wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia. Din kienet sitwazzjoni politika dannuża għax għal dawk li attendew (ħafna minnhom nazzjonalisti jew nies li vvutaw PN fl-2017) hu kien fuq l-istess livell ta’ Muscat f’dak li jirrigwarda korrettezza u trasparenza.
Il-kwistjoni tal-VGH tista’ tkun l-ewwel pass reali tiegħu, fis-sens illi issa għandu quddiemu ftehim li kważi ħadd mhu jiddefendi (lanqas il-Ministru tas-Saħħa ironikament) illi fuqu jista’ jibni kapital politiku u jibda jibni l-immaġini ta’ Prim Ministru alternattiv.
Jekk Delia ma jirnexxilux jagħmel gwadann b’dan l-iskandlu, li qed jingħatalu fil-forma ta’ opportunità prattikament fuq platt tal-fidda mill-Gvern, allura probabilment huwa iktar diffiċli li jagħmel gwadann serju sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan sakemm ma jkunx hawn xi forma ta’ kroll jew problemi ekonomiċi, li jolqtu direttament lill-ħaddiem u l-but. Xenarju dannuż u mhux mixtieq, kemm għall-pajjiż u fit-tul anke għall-PN innifsu.