Il-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żabbar ivvota kontra applikazzjoni li se tfisser bini ta' stabbiliment tal-Mc Donalds fuq art barra żożna tal-iżvilupp (ODZ).
Kien dan is-sit l-ewwel li żvela din l-applikazzjoni partikolari li ser issir fiż-żona ta' dar u jinfirex fuq ġnien mimli siġar u għalqa fil-ġenb, it-tnejn fuq art ODZ.
Is-Sindku ta' Ħaż Żabbar Marc Vella Bonnici ħabbar ftit tal-ħin ilu fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook illi l-Kunsillieri kollha, kemm tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista, vvotaw favur mozzjoni li ressaq hu kontra dan l-iżvilupp.
Skont l-informazzjoni li għandha l-ILLUM, il-pjan tal-bini kummerċjali jinkludi faċilitajiet ta' parkeġġ għal 28 karozza, l-faċilitá ta’ ‘drive in’ kif ukoll diversi żoni b’siġġijiet u mwejjed barra r-restorant u fit-terazzin. Dan huwa t-tieni pjan ta’ bini ta' restorant tal-McDonalds fuq art ODZ f’żmien ta’ sitt xhur.
Lura għal-Lulju tal-2017, il-kumpanija Premiere Restaurants li għandha l-liċenzja tal-franchise tal-McDonalds f'Malta ssottomettiet applikazzjoni ta’ restorant ġdid fuq art ODZ ta’ 7,000 metru kwadru viċin ir-'roundabout' tal-ajruport, propju ftit metri 'l bogħod mir-restorant eżistenti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.