Il-partiti se jkollhom jagħtu rendikont ta’ kif qed jonfqu l-fondi parlamentari
- Iż-żewġ partiti ma jiżvelawx mal-ILLUM kif nefqu l-fondi mogħtija lilhom;
- Il-PL jgħid li se jagħti l-informazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin
minn Yendrick Cioffi
L-Uffiċċju tal-Ispeaker ma jżommx rendikont ta’ kif il-gruppi parlamentari jonfqu l-fond ta’ €100,000 kull wieħed li jingħataw kull sena bil-għan li jintużaw għar-riċerka, għalkemm hemm proposta biex il-partiti jkunu aktar trasparenti u jgħidu kif qed jonfqu l-flus.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-ILLUM, l-Uffiċċju tal-Ispeaker ikkonferma li l-Parlament ma jżommx rendikont ta’ kif jintefqu dawn il-fondi.
Minkejja tentattiv minn din il-gazzetta biex il-gruppi parlamentari jipprovdu rendikont ta’ kif jużaw dawn il-fondi, la l-Gvern u lanqas l-Oppożizzjoni ma pprovdew l-informazzjoni.
Kull sena, il-gruppi Parlamentari tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista qasmu bejniethom €200,000.
Dan il-fond kien beda jingħata qabel Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, bil-għan li l-gruppi Parlamentari jwettqu riċerka b’rabta mal-UE u anke biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom mar-reġjun tal-Mediterran.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker spjega ma’ din il-gazzetta li referenza għal din il-kwistjoni tqajmet waqt l-ewwel pjan finanzjajru tas-Servizz Parlamentari għas-sena 2018 wara li daħal fis-seħħ l-Att dwar is-Servizz Parlamentari fl-2017.
Dan l-Att, għall-ewwel darba kien waqqaf servizz parlamentari awtonomu u indipendenti mill-Eżekuttiv.
Sezzjoni 3.1.3 tal-Pjan Finanzjarju jagħmel referenza għal dan il-fond għall-“Iżvilupp tar-Relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Mediterran mill-Gruppi Politiċi fil-Parlament.”
Il-pjan finanzjajru jinnota li parti mill-oġġettiv li għalih kien introdott dan il-fond intlaħaq meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u għalhekk jgħid li għandha ssir reviżjoni tiegħu.
Ikompli jisħaq li minħabba r-responsabbilità li ġabet magħha l-awtonomija amministrattiva, is-Servizz Parlamentari huwa tal-opinjoni li l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra u l-pubbliku inġenerali, għandhom ikunu jafu kif qed jintefqu dan il-fondi mill-Gruppi Parlamentari.
Jirreferi wkoll għall-proviżjoni li tgħid kif il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jintrabtu li jipprovdu lill-Parlament id-dokumentazzjoni kollha bil-għan li jkun assigurat li l-fondi qed ikunu użati skont il-ftehim.
Il-pjan jesplora wkoll il-possibilità li dawn il-fondi jibdew jintużaw biex jgħinu Membri Parlamentari jwettqu riċerka wara diversi talbiet individwali mid-Deputati biex jingħataw l-għajnuna.
L-ILLUM kitbet lill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri u lill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar biex jipprovdu rendikont ta’ kemm nefqu mill-fondi mogħtija mill-bidu tal-leġislatura u x’riċerka saret bis-saħħa tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista saħaq li t-tagħrif dwar dan il-fond se jkun qed jingħata lill-Uffiċċju tal-Ispeaker fil-ġimgħat li ġejjin, skont il-proċeduri li jirregolawh. Saħaq biss li “l-Partit Laburista juża dan il-fond għall-għanijiet li nħoloq għalih kif jixhed ir-rendikont.”
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ma weġibx dwar ir-rendikont u spjega biss li jutilizza l-fondi biex “ifittex u jirriċerka dwar kwistjonijiet politiċi li jkun qed jitkellem dwarhom il-pajjiż.” Ilmenta li dawn il-fondi mhux suffiċjenti u qal li wasal iż-żmien li ssir reviżjoni ta’ kif il-Gruppi Parlamentari għandhom jiżdiedu “biex jaqdu aħjar l-interess taċ-ċittadin.”
Il-PD irid €6,200 minn dak mogħti lill-PN
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Demokratiku ppreżenta talba formali lill-Partit Nazzjonalista biex jinsisti li għandu jingħata parti minn dan il-fond biex jintuża miż-żewġ Deputati tiegħu.
Il-Kap tal-PD kien qal mal-Illum.com.mt li jekk il-fond jinqasam fuq id-Deputati kollha, il-Partit Demokratiku għandu jieħu madwar €6,200.
Iżda, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, insista mal-istess sit li fil-Parlament teżisti Oppożizzjoni waħda u Kap tal-Oppożizzjoni wieħed u qal li l-Partit Nazzjonalista ma kienx talab flus lill-Partit Demokratiku biex waqt l-aħħar kampanja elettorali jkun jista’ juża l-palk u l-midja tiegħu.
Din il-kwistjoni qamet ukoll fil-Parlament meta d-Deputat Godfrey Farrugia staqsa lill-Ispeaker kemm ħadu l-Gvern u l-Oppożizzjoni kull wieħed u x’għandu jagħmel il-Partit Demokratiku biex jieħu sehmu.
L-Ispeaker kien saħaq li fil-Parlament hemm Oppożizzjoni waħda u l-Kamra ma tidħolx fil-kwistjoni ta’ kif għandhom jinqasmu l-fondi mogħtija lill-Oppożizzjoni.
Waqt li kkwota l-Qorti Kostituzzjonali, l-Ispeaker fakkar li din kienet iddeċidiet li hemm Oppożizzjoni waħda u hu mhux f’pożizzjoni li jagħmel differenza bejn iż-żewġ partiti u għalhekk ħeġġeġ lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Demokratiku biex jilħqu ftehim bejniethom.
Iżda l-Kap tal-PD qed jibqa’ jinsisti li l-Ispeaker irrikonoxxa lill-Partit Demokratiku bħala partit separat mill-Oppożizzjoni, tant li issa d-Deputati tal-Partit Demokratiku għandhom ħin allokat għalihom waqt id-dibattiti Parlamentari.