Filmat | David Casa jixhed dwar ir-rapport tal-FIAU li 'jinkrimina' lill-Ministru Mizzi

Skont Casa, ir-rapport tal-FIAU jikkonkludi li hemm biżżejjed provi biex jibdew proċeduri kriminali kontra Mizzi

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista, fil-Parlament Ewropew, David Casa, jinsab il-Qorti fejn qed jixhed dwar ir-rapport tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, li allegatament jimplika lill-Ministru Konrad Mizzi b'akkużi ta' ħasil ta' flus.

Skont Casa, dan ir-rapport jikkonkudi li hemm biżżejjed provi biex jibdew proċeduri kriminali kontra Mizzi.

Nhar il-Ġimgħa, Casa mar b'dan ir-rapport il-Qorti u ntalab jitla' jixhed mill-Maġistrat Aaron Bugeja.

 

F'kummenti lill-midja quddiem il-Qorti, l-Ewroparlamentari qal li ma jistax jgħid x'ġie diskuss wara li l-Maġistrat rabtu bis-sigriet.

Qal biss li hu inkwetat bl-istat li jinsabu fihom l-istituzzjonijiet Maltin u saħaq li dalgħodu tela' l-Qorti biex jaqdi dmiru f'isem il-poplu kollu.

Waqt il-konferenza ta' nhar il-Ġimgħa, Casa qal li r-rapport jinkludi diversi provi li mistennija jinkriminaw lill-Ministru Mizzi, fost dawn hemm dokumenti tal-Bank u dettalji ta' vjaġġar tal-istess Mizzi.

Casa qed jisħaq li dan ir-rapport jikxef "il-gideb li għamel il-Ministru Mizzi biex jgħatti xturu u li allegatament jiżvela wkoll dati, figuri, ismijiet u fabrikazzjoniji ta' dokumenti."

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qed jisħaq li dan ir-rapport huwa frott kampanja kontrih u li r-rapport inkiteb apposta biex ikun leaked.

Iddeskriva l-kwistjoni kollha bħala fabrikazzjoni.

More in Politika