Aġġornata | Delia jmur il-Qorti biex il-ftehim mal-VGH ikun iddikjarat null

Jekk it-talba ta' Delia tintlaqa' jieqaf il-proċess li kien se jgħaddi l-konċessjoni li Steward Health Care

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar il-Qorti u fetaħ kawża biex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa jingħataw lura lill-poplu.

F'kummenti lill-midja, akkumpanjat minn għadd ta' Deputati Nazzjonalisti, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kawża qed titlob lill-Qorti biex il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare ikun iddikjarat null.

L-Oppożizzjoni fetħet dan il-każ kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-VGH, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks u ċ-Ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtoritá tal-Artijiet.

SFi kliem Delia, il-kuntratt mal-VGH sar biex ifalli u sar ma' nies li fi kliemu kulħadd kien jaf li mhux se jaslu. 

"Meta rajna li ma waslux, flok il-Gvern ħa lura dak li hu tagħna, ta ċ-ċans lilhom biex jgħaddu l-propjetà lil ħaddieħor," insista Delia.

Fakkar li fid-29 ta' Jannar li għadda, l-Oppożizzjoni fetħet protest ġudizzjarju dwar dan l-istess ftehim u kien qal li se jżomm lill-Prim Ministru responsabbli.

Kompla jisħaq li l-Oppożizzjoni ilha ġimgħat tistaqsi lill-Gvern lil min ingħata dan il-kuntratt u min huma l-azzjonisti. Qal li sal-lum, għal dawn il-mistoqsijiet ħadd għadu ma wieġeb.

Il-Kap Nazzjonalista qal li hu żgur biss li sar kuntratt u li fuqu kien hemm obbligi, iżda minkejja li l-Gvern ħallas il-miljuni, il-poplu ma ħa xejn lura mingħand il-VGH.

L-applikazzjoni ssemmi, fost affarijiet oħra, il-bini tal-iskola Barts f'Għawdex, li suppost bdiet tiffunzjona, xogħlijiet fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-bini ta' sptar ġdid f'Għawdex u investimenti fl-Isptar Karin Grech u San Luqa, li fihom kellhom jiżdiedu s-sodod u li dwarhom ma sar xejn.

Għalkemm qatt ma sar magħruf meta kellhom jitlestew dawn l-investimenti, Adrian Delia qal li hu żgur li kellhom ikunu lesti sa żmien tliet snin mill-iffirmar tal-kuntratt, fit-30 ta' Novembru 2015.

Saħaq li għandu l-obbligu u anke l-possibilità bħala Membru Parlamentatri li jiddefendi propjetà li hi tal-poplu kollu.

"Dan huwa l-aktar kuntratt skandaluż li sar," saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

 

Wara li diversi dettalji minn dan il-kuntratt baqgħu qatt ma saru magħrufa, inqas minn sentejn wara li ħadu f'idhom it-tmexxija tat-tliet sptarijiet, sar magħruf fuq il-midja, li Vitals Global Healthcare se tkun qed tbigħ il-konċessjoni lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care.

Jekk it-talba ta' Delia tinlaqa', se jieqaf il-proċess kollu li kien se jgħaddi l-konċessjoni lill-Steward.

Diversi rapporti qed jistaqsu x'investiment għamlet il-Vitals Global Healthcare fl-aħħar xhur, bil-gazzetta ILLUM tispjega li meta daħlu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-VGH sabu apparat mediku li nxtara bejn l-2012 u l-2014 u kważi kwart ta' miljun ewro f'sodod. Skont rapporti, li qatt ma ġew miċħuda jew ikkonfermati mill-Gvern, dan l-apparat, u tagħmir ieħor fiż-żewġ sptarijiet l-oħra, inbiegħ lill-VGH għal €1.

Fil-ġimgħat li għaddew, l-istess gazzetta żvelat kif il-bini tal-iskola Barts f'Għawdex kellu jieqaf wara li l-VGH naqsu milli jħallsu lill-kuntratturi. 

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet orndat strajk tat-tobba għax qed tinsisti li l-ftehim mhux fl-aħjar interess la tal-pazjent u lanqas tal-poplu waqt li talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-kuntratt.

"L-azzjoni ta' Delia trid ittellef il-pazjenti mill-aqwa infrastruttura fl-isptarijiet" - Il-Gvern

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-azzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hija kontra investiment fil-qasam tas-saħħa mill-kumpanija Amerikana Steward u hi intiża biex tipprova ttellef lill-pazjenti mill-aqwa infrastruttura fl-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech.

Saħaq li l-Oppożizzjoni mhu qed toffri l-ebda alternativa u għalhekk jikkonkludi li l-Kap tal-Oppożizzjoni hu kontra investiment barrani.

"Il-Gvern se jkun qed jipproteġi l-interessi tal-pazjenti u tal-poplu kollu kemm hu fil-fora kollha," ittemm tgħid l-istqarrija.

"Delia, bħal ta' qablu, jipprova jgerrex l-investiment" - PL

B'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia baqa' għaddej bl-istess tattika tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex jipprova jgerrex l-investiment.

"Delia għandu jifhem li jekk irid jibda jmexxi, imqar il-partit tiegħu, għandu jinqata’  mill-istess tattiċi li ma wasslu lill-PN mkien," saħaq il-Partit Laburista.

Il-PL qal li Delia kellu jmur il-Qorti filgħodu iżda spiċċa għadda l-għodwa jissielet mal-Grupp Parlamentari tiegħu.

"Fil-fatt meta ħabbar dak li kien se jagħmel, qabel kellem lill-Grupp Parlamentari, Delia spiċċa gerrex id-deputati tiegħu stess," ittemm tgħid l-istqarrija.

 

More in Politika