Aġġornata | It-tliet sptarijiet uffiċjalment f'idejn Steward
Il-midja ma kinitx infurmata u wisq inqas mistiedna biex tattendi għall-iffirmar tal-ftehim
minn Yendrick Cioffi
Il-kumpanija Amerikana Steward Health Care System iffinalizzat il-ftehim li permezz tiegħu ħadet f’idha l-konċessjoni biex tmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech.
Dan tħabbar uffiċjalment fi stqarrija maħruġa kmieni dalgħodu mill-Gvern u ftit tal-ħin ilu f’filmat fuq Facebook mill-Ministru Konrad Mizzi.
Il-midja ma kinitx infurmata u wisq inqas mistiedna biex tattendi għall-iffirmar tal-ftehim.
Fl-istqarrija, li fiha l-Vitals Global Healthcare ma ssemmiet imkien, il-Gvern qal li qed jilqa’ dan l-iżvilupp u jibqa’ kommess li jassigura li Steward iżżomm mal-obligazzjonijiet kollha mniżżla fil-ftehim.
Il-Gvern saħaq li jinsab ċert li permezz ta’ dan il-ftehim l-isptarijiet se jinbiddlu f’faċilitajiet world-class u anke jiġi fi tmiemu l-bini tal-iskola medika Barts.
Ilbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-ftehim li l-Gvern kien għamel mal-VGH ikun iddikjarat null u l-isptarijiet jerġgħu lura f’idejn il-Gvern.
Kien ftit jiem qabel il-Milied li fuq il-midja sar magħruf li inqas minn sentejn wara l-iffirmar tal-ftehim, il-VGH kienet se tbigħ il-konċessjoni lill-kumpanija Steward Health Care.
Diversi rapporti qed jistaqsu x'investiment għamlet il-Vitals Global Healthcare fl-aħħar xhur, bil-gazzetta ILLUM tispjega li meta daħlu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-VGH sabu apparat mediku li nxtara bejn l-2012 u l-2014 u kważi kwart ta' miljun ewro f'sodod. Skont rapporti, li qatt ma ġew miċħuda jew ikkonfermati mill-Gvern, dan l-apparat, u tagħmir ieħor fiż-żewġ sptarijiet l-oħra, inbiegħ lill-VGH għal €1.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-istess gazzetta żvelat kif il-bini tal-iskola Barts f'Għawdex kellu jieqaf wara li l-VGH naqsu milli jħallsu lill-kuntratturi.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet orndat strajk tat-tobba għax qed tinsisti li l-ftehim mhux fl-aħjar interess la tal-pazjent u lanqas tal-poplu waqt li talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-kuntratt.
'Il-poplu għandu dritt jkun jaf fejn marru l-flus' - Civil Society Network
Intant in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qal li jappoġġa l-azzjoni tal-PN biex titwaqqaf il-privatizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi ta' Malta. Esprima wkoll is-solidarjetà tiegħu mal-pazjenti, l-għaqdiet mediċi u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
"Il-gvern qed jittrasforma s-saħħa pubblika f'negozju tal-proprjetà a skapitú tal-ġid komuni. Rabat lil min iħallas it-taxxa u lil gvernijiet futuri jħallsu €100 miljunu u d-djun kollha jekk l-isptarijiet jittieħdu lura minn Vitals. Dan hu skandaluż u jrid jiġi sfidat, speċjalment meta l-gvern ta' tagħmir li jiswa l-miljuni għal biss €1 Euro lil Vitals, u meta l-kumpanija kienet diġà rċeviet fondi mill-gvern ta' aktar minn €50 miljun. Sorsi kkwotati mill-istampa jindikaw li Vitals issa għandha djun ta' aktar minn €55 miljun Euro.
In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili jinsisti li hija meħtieġa trasparenza sħiħa. Il-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf fejn marru dawn il-flus kollha u għalfejn il-gvern qed jaħbi l-informazzjoni mill-istampa, mill-Parlament u mis-Soċjetà ċivili.