Esklussiva | Charles Mangion kellu jassigura li l-VGH iżżomm mal-miri
Charles Mangion inħatar mill-Ministru Chris Fearne biex imexxi uffiċċju li jissorvelja jekk il-VGH kinitx qed tilħaq mal-miri
minn Yendrick Cioffi
Hekk kif il-ftehim mal-VGH waqa', 28 sena qabel iż-żmien, dan is-sit jista’ jiżvela li n-Nutar Charles Mangion, eks Deputat Mexxej tal-PL u Ċermen tal-Air Malta, ilu mis-sena li għaddiet imexxi uffiċċju fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa bil-għan li jassigura li Vitals Global Healthcare iżommu mal-obbligazzjonijiet u l-miri tagħhom.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-illum.com.mt, kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li dan il-unit twaqqaf is-sena li għaddiet, jiġifieri mid-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne.
Il-Ministeru għas-Saħħa spjega ma’ dan is-sit li l-kuntratt oriġinali bejn il-Gvern u l-VGH fih provediment għal numru ta’ kumitati biex isegwu l-progress u l-kwalità tax-xogħol fuq l-isptarijiet.
Saħaq li dawn il-kumitati jiltaqgħu fuq bażi regolari u fosthom hemm il-Kumitat dwar il-Kwalità tas-Servizz Mediku, b’rappreżentanza tal-konċessjonarju, tal-Gvern u ta’ Barts Medical School.
Il-Ministeru spjega li s-sena li għaddiet, twaqqaf l-uffiċċju l-ġdid biex jikkumplimenta x-xogħol ta’ dawn il-kumitati u jara li “jiġu segwiti l-Key Perfomance Indicators u l-Istandards mediċi ġewwa l-isptarijiet tal-Public-Private Partnership” (jiġifieri l-Isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa).
Minkejja dan, il-Ministeru ma weġibx mistoqsijiet oħra mibgħuta mill-istess sit, fosthom jekk dan l-uffiċċju ġibidx l-attenzjoni tal-Ministeru dwar nuqqasijiet min-naħa tal-VGH, x’passi ttieħdu mill-Ministeru u għalfejn inħasset il-ħtieġa li jitwaqqaf is-sena li għaddiet u mhux qabel.
Fil-kuntratt “Services Concession for the Provision of Healthcare and Ancillary Services and the Maintenance, Management, and Operation of the Sites….” datat 30 ta' Novembru 2015, il-Key Perfomace Indicators (KPI) huma kollha mħassra. Dawn jistipulaw il-miri u l-għanijiet li l-konċessjonarju jintrabat li jwettaq fi żmien stipulat.
Issa li kmieni dalgħodu sar magħruf li Steward iffinalizzat il-ftehim li permezz tiegħu ħadet f’idha t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech, il-Ministeru saħaq li l-uffiċċju xorta ser ikompli bis-sorveljanza tiegħu.
Apparti Charles Mangion, bħala Ċermen, membri f’dan l-uffiċċju hemm ukoll:
- Joseph Rapa, Segretarju Permanenti tas-Saħħa,
- Edgar Borg, Direttur tal-Finanzi tal-Ministeru għas-Saħħa,
- Charles Debattista, Segretarju,
- Joseph Zarb Adami, Konsulent Mediku,
- John Abela, Konsulent Finanzjarju; u
- Mario Mangion, Konsulent Tekniku.
Fl-aħħar ġimgħat qamu diversi mistoqsijiet dwar kemm il-VGH żammet mal-obbligi u l-miri tagħha. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija akkużat lill-VGH li kull ma għamlet kienet ħofra f’Għawdex u kisja ma’ faċċata fl-Isptar San Luqa.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-ILLUM żvelat kif il-bini tal-iskola Barts f'Għawdex kellu jieqaf wara li l-VGH naqsu milli jħallsu lill-kuntratturi.
Il-Ħadd li għadda, l-istess gazzetta spjegat li meta daħlu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-VGH sabu apparat mediku li nxtara bejn l-2012 u l-2014 u kważi kwart ta' miljun ewro f'sodod.
Skont rapporti, li qatt ma ġew miċħuda jew ikkonfermati mill-Gvern, dan l-apparat, u tagħmir ieħor fiż-żewġ sptarijiet l-oħra, inbiegħ lill-VGH għal €1.
Aqra hawn pass pass l-istorja tal-VGH f’Malta mill-iffirmar sat-tħabbira tal-bejgħ.