Malta titla' post fl-indiċi tal-korruzzjoni

Malta tejbet il-pożizzjoni tagħha fl-indiċi tal-korruzzjoni ppubblikata minn Transparency International

Malta telgħet post fl-Indiċi tal-Korruzzjoni li tkun ippubblikata kull sena minn Trasparency International, biex issa tinsab fis-46 post minn 180 pajjiż.

Matul l-2016, Malta tpoġġiet fis-47 post minn 117 il-pajjiż.

L-ewwel pajjiż ikklassifikat f’din il-lista jkun dak il-pajjiż li fih hemm l-inqas korruzzjoni.

Matul is-sena li għaddiet, Malta ġabet 56 punt, jiġifieri tinsab ‘il fuq mill-medja ta’ 43. Minkejja dan, Malta żammet postha ma’ dawk il-pajjiżi Ewropej li jinsabu lura fil-lista.

L-indiċi tuża skala ta’ 0 għal 100, fejn iz-0 jfisser li pajjiż ikun korrott ħafna u 100 jfisser li l-pajjiż ikun nadif mill-korruzzjoni.

Fil-pubblikazzjoni ta’ din is-sena, Trasparency International saħqet li mill-aħħar indiċi, il-pajjiżi ftit li xejn għamlu progress biex jeliminaw il-korruzzjoni.

Skont l-indiċi, New Zealand, id-Danimarka u l-Finlandja kklasifikaw bħala l-aktar pajjiżi siguri. New Zealand ġiet ikklassifikata fuq nett tal-lista b’89 punt.

Aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi, ġabu inqas minn 50 punt.

Transparency International tagħmel referenza għall-fatt li ġurnalisti u attivisti jirriskjaw ħajjithom kuljum f’dawk il-pajjiżi kklasifikati l-aktar korrotti. Issemmi kif ġurnalist jinqatel kuljum fil-pajjiżi kklassifikati l-aktar korrotti.

L-analiżi tinkludi wkoll informazzjoni mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti li turi kif fl-aħħar 6 snin, inqatlu aktar minn 9 ġurnalisti minn kull 10, f’dawk il-pajjiżi li fl-indiċi ġabu 45 punt jew inqas.

Għalkemm ħafna pajjiżi kklassifikaw inqas mill-medja, pajjiżi bħall-Kosta tal-Ivorju, is-Senegal u r-Renju Unit, tejbu ħafna l-pożizzjoni tagħhom mill-2012 ‘l hawn.

Il-pajjiżi li marru għall-agħar jinkludu s-Sirja, il-Jemen u l-Awstralja.

 

More in Politika