Aġġornata | Il-pagi tal-ħaddiema fil-Kunsill ta' San Pawl għadhom ma tħallsux
Il-Kunisllieri tal-PN qed jitolbu lill-President tar-Reġjun tat-Tramuntana biex jintervjeni...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li b'dispjaċir jinnota li l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar ma ngħatawx il-pagi dovuti lilhom, "pagi li suppost tħallsu lbieraħ. Dan seħħ minkejja li l-Kunsillieri Lokali Nazzjonalisti ta' San Pawl il-Baħar ilhom mill-21 ta Frar 2018 jitolbu informazzjoni lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv biex tinfurmahom x'arranġamenti saru biex jitħallsu l-pagi dovuti lilhom."
Il-PN kompla jfakkar li fil-21 ta' Frar 2018, il-Kunsillieri Nazzjonalisti bagħtu imejl lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv fuq dan is-suġġett, u "peress li ma ngħatawx risposta, intbagħtu imejls oħrajn fuq l-istess suġġett fit-22 u t-23 ta' Frar 2018 sakemm fl-aħħar ingħatat risposta mingħand l-Aġent Deputat Segretarja Eżekuttiv li l-każ qed jiġi diskuss mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Minkejja li l-ġurnata tal-ħlas tal-pagi skadiet, jidher li dawn id-diskussjonijiet ma wasslu mkien u l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali baqgħu bla pagi."
Fin-nuqqas ta' azzjoni mill-Gvern Ċentrali sabiex jassigura li l-pagi dovuti jitħallsu lil dawn il-ħaddiema, il-Kunsillieri Nazzjonalisti illum talbu lill-President tar-Reġjun Tramuntana, li l-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar jagħmel parti minnu, sabiex jintervjeni u jieħu l-azzjoni sabiex dawn il-pagi jiġu mħallsa mir-Reġjun. Eventwalment meta l-Kunsill Lokali jerġa' jibda jopera kif suppost, jiġu rifużi lura lill-istess reġjun.
Il-Partit Nazzjonalista għal darb'oħra assigura lir-residenti kollha ta' San Pawl il-Baħar li se jibqa' sal-aħħar jiddefendi d-drittijiet tal-għażla ħielsa li għamlu fl-aħħar elezzjoni li għaddiet tal-Kunsilli Lokali.
‘Dawn problemi li ħoloq il-PN...’
Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista sostna li l-PN jrid jieqaf “jipprova jwaħħal f’ħaddieħor għall-problemi li ħoloq hu f’San Pawl il-Baħar.”
Il-PL ħa nota kif il-Gvern ħa l-passi kollha meħtieġa bil-għan li “tkun implimentata d-deċiżjoni li tat il-qorti b’rabta ma’ dan il-Kunsill Lokali fl-aħħar ġimgħat. Issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Partit Nazzjonalista li jrid iwieġeb hu wkoll għall-fatt li l-ħaddiema baqgħu mingħajr salarju. Dan għax kienet ukoll kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li rrifjutat li tmur tieħu l-ġurament bħala l-iktar kunsillier anzjan skont il-liġi, b’mod li kienet iżżomm għaddej l-operat tal-Kunsill Lokali,” temmet tgħid l-istqarrija tal-PL.
Il-kwistjoni u l-inkwiet kollu f'dan il-Kunsill imur lura għar-riżenja tal-eks Sindku Graziella Galea, wara li l-Kunsillieri tal-Partit Laburista flimkien ma' tnejn li kienu ħarġu mal-PN kienu ressqu mozzjoni ta' sfiduċja fiha. Dawn it-tmien Kunsillieri, li allura jifformaw maġġoranza fil-Kunsill ta' 13-il Kunsillier, riedu jaħtru Sindku Laburista, xi ħaġa li l-PN qed jopponi hekk kif fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kien proprju dan il-partit li kiseb maġġoranza relattiva ta' voti.
Il-PN ressaq mandat fil-konfront tal-Kunsill u issa fetaħ kawża biex, fi kliemu, tkun irrispettata id-deċiżjoni tar-residenti fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza relattiva ta' 47.7%, b'3,701-il vot filwaqt li l-PL kiseb 46.9%, jew 3,639. Minkejja li dan huwa wieħed mill-aktar riżultati qrib f'din l-elezzjoni, kienu biss 39% tal-votanti li vvutaw.
Il-Ministru Bonnici jagħti struzzjonijiet biex malajr kemm jista' jkun jinħatar sindku ġdid
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici ta' struzzjonijiet biex il-post ta' sindku jimtela minn dik il-persuna mill-istess partit li tkun ġabet l-akbar ammont ta' voti wara s-sindku li jkun ħalla l-pożizzjoni.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dan qed isir għax il-Gvern jinsab inkwetat bis-sitwazzjoni li nħolqot fil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u li qed tħalli impatt fuq il-ħaddiema tal-kunsill lokali u l-funzjonijiet tal-kunsill.
Għalhekk, il-Ministeru qal li għandha ssir laqgħa urġenti tal-kunsill lokali u jiġu eletti sindku u viċi sindku skont id-direzzjoni mogħtija mill-Ministru Bonnici u jittieħdu l-passi kollha amministrattivi sabiex il-funzjonijiet tal-kunsill lokali jkunu qed jinqdew.
Il-Gvern temm jappella lill-Oppożizzjoni biex iġġib l-interess tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar l-ewwel u qabel kull konsiderazzjoni oħra.