It-traffiku. Jitla’ u jinżel fuq l-aġenda politika u jkun diskuss ferm fi ċrieki soċjali differenti skont l-esperjenzi ta’ eluf ta’ sewwieqa kuljum. Li hu żgur huwa li għall-bidu ta’ Settembru meta tkun se tibda l-iskola dan is-suġġett u allura l-bżonn li jkun immaniġġjat tajjeb it-traffiku jitla’ fuq nett fl-aġenda u l-Gvern, ikun min ikun, jassigura li kollox jinsab f’postu biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm kriżijiet ta’ traffiku fit-toroq Maltin, diġà maħnuqa b’ammont enormi ta’ karozzi.
U probabbilment huwa ħafna iktar minn ġustifikat dan l-inkwiet hekk kif minn studju li sar mill-kumpanija Grand Thorton jirriżulta illi minn total ta’ 56,000 student, 32,300 student jitwasslu l-iskola permezz tal-karozzi tal-ġenituri tagħhom. Dan ifisser illi kuljum, kemm iddum għaddejja l-iskola, faċilment nistgħu naraw kważi 30,000 karozza fit-triq li tkun qed tieħu jew tiġbor mill-iskola lil studenti mill-iskejjel tal-Gvern jew privati/tal-knisja.
Fid-dawl ta’ din ir-realtà, il-ġimgħa l-oħra, il-Gvern nieda White paper bil-għan illi titwettaq wegħda elettorali li dwarha jeżisti qbil politiku hekk kif kemm il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista wegħdu trasport b’xejn għall-iskola għal kull student/a f’pajjiżna.
Mill-analiżi ta’ Grand Thorton jirriżulta li minn dawk it-32,300 ġenitur li qed iwassal lil uliedu hu, bil-karozza, hemm madwar 18,000 li lanqas jekk ikun b’xejn, xorta jippreferu li jieħdu huma lit-tfal l-iskola milli jibagħtuhom permezz ta’ trasport organizzat.
L-analiżi juri kif it-23,730 student li llum qed jitwasslu bit-trasport jiżdiedu għal ftit inqas minn 38,000 student jekk il-Gvern iwettaq il-wegħda li joffri trasport b’xejn lill-istudenti kollha. Dan ifisser illi madwar 14,300 student ibiddlu l-mod kif jitwasslu l-iskola jekk jitneħħa l-ħlas minn fuq tali trasport.
L-istess analiżi turi illi 12,500 student li jattendu l-iskejjel statali u 11,230 li jattendu skejjel oħrajn illum qed jużaw trasport organizzat. Dan ifisser illi 52% ta’ dawk li jattendu skejjel privati u tal-knisja ma jużawx trasport organizzat biex imorru l-iskola filwaqt li 62% ta’ dawk li jattendu skejjel tal-Gvern ma jużawx trasport organizzat. Naturalment dan il-persentaġġ jinkludi dawk li jmorru l-iskola bil-mixi (speċjalment fejn l-iskejjel jinsabu fl-istess lokalità tar-residenza tal-istudent) jew inkella bit-trasport pubbliku.
L-għażliet fuq il-mejda...
Fil-White paper jissemmew ukoll numru ta’ possibilitajiet u metodi bl-aktar waħda ‘irħisa’ u li fl-istess dokument hija deskritta bħala ‘l-aktar vijabbli’, tara lill-istudenti kollha jużaw l-istess trasport. Dan ikun ifisser illi kull student, kemm jekk jattendi skejjel tal-Gvern jew le, juża l-istess trasport li jkun ibbażat fuq id-destinazzjoni mhux fuq l-iskola. Din il-proposta, li huwa mifhum li tqum €14-il miljun, jaf issib reżistenza partikolari fuq il-kwistjoni ta’ dixxiplina. Fil-fatt l-istess dokument qed jipproponi li jkun hemm preżenza “adegwata” ta’ superviżjoni li tkun imħallsa mill-Gvern ukoll.
Tħassib dwar din is-sitema tqajjem ukoll mill-Kapijiet u Prinċipali tal-iskejjel.
Mill-analiżi li saret jirriżulta li 39% tal-ġenituri mhumiex lesti li jużaw dan is-servizz, anke jekk ikun hemm is-superviżjoni meħtieġa. Dan juri li anke jekk huwa l-aktar vijabbli, għad hemm reżistenza minn minoranza konsiderevoli ta’ ġenituri kontra din l-idea.
Minħabba dan, il-Gvern jidher li huwa aktar predispost li jmur għall-għażla li hija deskritta bħala waħda ta’ “intervent minimu”. Dan ifisser li l-Gvern iħalli kollox kif inhu, bl-iskejjel iżommu s-sistemi ta’ trasport kif inhuma u jintroduċi mekkaniżmu ta’ rifużjoni.
Din is-sistema, li d-dokument jgħid li l-Gvern l-aktar li jippreferi, se tiswa lill-pajjiż €24 miljun, jew €10 miljuni aktar minn dik li tpoġġi lill-istudenti kollha flimkien.
L-għażla l-oħra hija dik li tfisser illi filwaqt li l-iskejjel ilkoll iżommu r-rotot speċifiċi tagħhom, ikun ċentralizzat il-post minn fejn jinġabru u jerġgħu jitniżżlu l-istudenti għall-iskola.