Fl-aħħar ħames snin il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà tistma li ġew f'pajjiżna 87,000 persuna barranija bl-iskop li jgħixu u jaħdmu f'pajjiżna. Aktar minn hekk, l-istess Federazzjoni qed tistma li fit-tliet snin li ġejjin se jkunu qed jiġu pajjiżna 80,000 persuna oħra. Dan ifisser illi fi tmien snin se jkunu ġew pajjiżna biex jgħixu u jaħdmu 167,000 persuna barranija, li allura jfisser illi l-popolazzjoni Maltija se tkun żdiedet b'madwar terz.
F'kummenti lill-gazzetta l-orizzont is-Segretarju Ġenerali tal-istess Federazzjoni Simon Debono stqarr li dan ifisser li se jkun hemm bżonn ta' 50,000 appartament fejn jgħixu dawn il-barranin.
Minkejja dan l-iżvilupp, Debono sostna mal-istess gazzetta illi 190 persuna f'pajjiżna bħalissa qed jgħixu f'garaxx u nies oħrajn li minkejja li għandhom paga ta' €1,500 fix-xahar u allura paga qrib il-lmedju, qed iħallsu kera ta' €1,100 fix-xahar.