Steward tgħid li biex isir progress jeħtieġ jittieħdu 'deċiżjonijiet diffiċli'

Tikkonferma li tneħħew xi nies li huma parti mit-tmexxija tal-Isptar Karin Grech...ħadd minnhom mhu fuq il-kotba tal-Gvern

Il-kumpanija Steward Healthcare kkonfermat li tneħħew xi ħaddiema mill-isptar Karin Grech, għalkemm iċċarat li dawn huma parti mit-tmexxija tal-istess sptar u mhux ħaddiema li qegħdin fuq il-kotba tal-Gvern. 

Ikkuntattjata minn dan is-sit wara aħbar imxandra fuq is-sit netnews.com.mt kelliema għal Steward Healthcare sostniet li Steward tinsab iffukata fuq il-bżonn li l-pazjenti jingħataw kura, "bi track record ippruvat." Minkejja dan, mal-ILLUM il-kumpanija qalet ukoll illi l-progress "se jfisser illi jeħtieġ isiru xi deċiżjonijiet diffiċli u għalhekk illum iddeċidejna li nagħmlu tibdliet fost il-ħaddiema li jmexxu l-isptar (corporate staff) biex ir-riżorsi jkunu fil-post fejn l-aktar li hemm bżonn."

Steward insistiet li hi se tkompli taċċerta li r-riżorsi umani jkunu disponibbli permezz ta' tobba, infermiera u oħrajn. Wegħdet ukoll li se jkun hemm titjib fit-teknoloġija, il-faċilitajiet u iktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Steward Healthcare ingħatat il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet, San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, għal 30 sena. Dan wara li l-VGH biegħet l-istess konċessjoni, minħabba dak li kien irrappurtat bħala problema kbira ta' flus. 

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif fil-fatt il-kuntratturi li kienu qed jagħmlu xogħol fuq il-bini tal-iskola ta' Barts ma kinux tħallsu mill-VGH, li sabet mat-€3.6 miljun f'investiment minn fondi tal-Unjoni Ewropea f'tagħmir. 

Il-Gvern intrabat li jibqa' jħallas il-pagi tal-ħaddiema hu u li allura dawn jibqgħu fuq il-kotba tiegħu. 

More in Politika