'Mhux jekk, imma kif se jidħlu l-kwoti tan-nisa...'

Il-PM Joseph Muscat jgħid li l-poplu iddeċieda dwar il-kwoti tan-nisa fl-aħħar elezzjoni u li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jressaq il-proposti

Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat
Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat

Meta kien qed jindirizza attività ta' Nisa Laburisti l-PM Joseph Muscat għamilha iktar milli ċara illi dwar il-kwistjoni ta' kwoti ta' nisa li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ġenerali, mhux se ssir diskussjoni dwar jekk dawn humiex se jkunu introdotti, imma biss diskussjoni dwar kif se jkunu introdotti. Muscat fakkar illi l-poplu diġa ddeċieda dwar din il-materja meta ta' mandat lill-Partit Laburista biex jintroduċi l-kwoti tan-nisa fl-elezzjonijiet ġenerali, hekk kif din kienet wegħda elettorali fil-manifest tal-Partit Laburista.  

Muscat indika li l-Gvern se jkun qed iressaq il-proposti dwar il-kwoti fil-ġimgħat li ġejjin u ħeġġeġ lil dawk li kienu qed isegwu biex ikunu parti mid-diskussjoni.  

Dwar in-nisa fid-dinja tax-xogħol Muscat fakkar illi Malta diġa għandha liġijiet li ma jippermettux diskriminazzjoni fuq bażi ta' ġeneru, u allura l-Gvern issa se jkun qed jiffoka biex fejn qed isir abbuż ikun hemm infurzar. 

Il-PN ifakkar li mhux kollox ward u żahar....

Intant fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara, il-Partit Nazzjonalista qed jappella sabiex il-Gvern jieħu azzjoni konkreta biex tonqos id-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Ċifri tal-Eurostat juru li sfortunatament in-nisa qegħdin dejjem jaqilgħu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol li jagħmlu. Mill-istatistika jirriżulta li filwaqt li d-differenza kienet ta' 7% fl-2011, din marret għall-agħar u żdiedet għal 11% fl-2016.

"Ċifri oħra li ġew ippubblikati f'dawn l-aħħar ġranet juru wkoll li hemm rata għolja ferm aktar mill-bqija tal-popolazzjoni ta' tfajliet li la qed jaħdmu jew ifittxu xogħol u lanqas mhuma qed jieħdu edukazzjoni jew taħriġ. Xejn anqas minn 13% tat-tfajliet qegħdin f'din is-sitwazzjoni ta' bla xogħol, edukazzjoni jew taħriġ, rata ferm ogħla minn tal-ġuvintur," ifakkar il-PN. 

Il-PN qal illi l-istatistika tal-World Economic Forum ukoll turi li Malta sofriet waqgħa qawwija lura fl-aħħar ħames snin fir-rigward tal-ugwaljanza. Joseph Muscat sab 30% tal-impjiegi pubbliċi kienu okkupati min-nisa iżda l-'aktar Gvern femminist fl-istorja ta' Malta' għażel li dan l-ammont inaqsu għal 15%.

"Il-World Economic Forum jindika wkoll tnaqqis fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-politika. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jimplimenta l-wegħda elettorali tal-Oppożizzjoni li l-Parlament jagħti għażla lill-membri parlamentari jkunu fultajm. Din tkun miżura family friendly li tkun tista' tgħin ukoll għall-parteċipazzjoni aktar b'saħħitha tan-nisa fil-politika."

 

 

More in Politika