Ikkonfermata: Fenech issir Sindku ta' San Pawl
San Pawl il-Baħar b'Sindku ġdid wara xhur ta' ġlied intern
More in Politika
San Pawl il-Baħar b'Sindku ġdid wara xhur ta' ġlied intern
Ftit mumenti ilu kienet ikkonfermata storja li dehret fuq il-gazzetta ILLUM ta' ġimgħatejn ilu, hekk kif Anne Fenech għadha kif inħatret Sindku ta' San Pawl il-Baħar.
Il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat kif Fenech kienet se ssir Sindku hekk kif skont sorsi mill-Gvern, is-Sindku kellu jintagħżel minn fost il-Kunsillieri li għadhom jiffurmaw parti mill-PN.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, waħda mill-akbar lokalitajiet f’Malta (21,200 persuna eliġibbli għal vot) u wieħed mill-akbar ċentri turistiċi, ilu għaddej minn taqlib għal dawn l-aħħar xhur.
Wara r-riżenja ta’ Thake minn Viċi Sindku u Kunsillier tal-PN, kien imiss lil Vella u Piscopo jirreżenjaw mill-PN biex imbgħad ingħaqdu mal-Kunsillieri Laburisti f’mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Galea. Din minflok, irreżenjat minn jedda u akkużat lil dawk li ressqu din il-mozzjoni illi qed iżommu lir-residenti “ostaġġi għall-mibgħeda u l-kilba tal-poter ta xi wħud li m'aċċettawx ir-riżultat elettorali li permezz tiegħu jien kont eletta Sindku."
Sussegwentement is-sit illum.com.mt kien żvela kif Piscopo u Vella kienu se jivvutaw mal-Kunsillieri tal-Partit Laburista biex ikun hemm Sindku Laburista li kien mifhum li kellu jkun Alfred Grima.
Il-PN iżda ressaq mandat ta’ inibizzjoni biex din il-laqgħa ma ssirx hekk kif qed jinsisti li r-rieda tal-maġġoranza tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li vvutaw PN għandha tkun rispettata. Il-Qorti laqgħet dan il-mandat.
Fl-aħħar elezzjoni il-PN kien kiseb maġġoranza relattiva ta' 47.6% (3,701 vot), filwaqt li l-PL kien kiseb 46.8% tal-voti (3,639 vot).
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ikopri ż-żoni ta’ Buġibba, il-Qawra, ix-Xemxija, il-Wardija, Burmarrad u naturalment ir-raħal ta’ San Pawl il-Baħar.