"L-aħbar li l-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu attendew għat-tieġ taċ-Chairman tal-bank Pilatus Ali Sadr, li sar f'Venezia, fl-Italja fl-2015, hija prova ċara tar-rabta intima bejn it-tlieta. Liema Prim Ministru jsiefer barra mill-pajjiż għal tieġ ta' xi ħadd mill-Iran, jekk mhux ta' xi ħadd li għandu rabta intima miegħu?"
Dan stqarru l-Kelliem Għall-Governanza Tajba tal-PN Simon Busuttil li spjega illi din ir-rabta 'intima' "hija rabta perikoluża għaliex toħloq kunflitt ċar ta' interess bejn poter u interessi finanzjarji. Din ir-rabta intima turi wkoll kemm it-taħwid kollu tal-bank Pilatus sar bil-barka ta' Joseph Muscat. Għax filwaqt li Ali Sadr qed jaffaċċja 125 sena ħabs fl-Istati Uniti, f'Malta huwa ħabib intimu tal-Prim Ministru u ngħata protezzjoni mil-liġi. "
"Mhux ta' b'xejn li Ali Sadr ma ġiex arrestat mill-Pulizija fil-lejl meta ħarab mill-bank fis-satra tal-lejl b'bagalja mimlija dokumenti," saħaq Busuttil. "anzi ingħata ċertifikat biex jibqa' jaħdem, minkejja r-riskji kbar għal isem pajjiżna."
Busuttil akkuża lill-Prim Ministru illi ħeba din ir-rabta intima għal tliet snin sħaħ u li l-Prim Ministru huwa personalment responsabbli għat-taħwid kollu li ġab miegħu il-bank Pilatus.
'Jiddisspjaċina li ma ttieħditx azzjoni....'
Intant numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew talbu l-intervent tal-Bank Ċentrali Ewropew skont it-termini ta' Artiklu 81(1) tar-Regolament dwar Mekkaniżmu ta' Sorveljanza Uniku li jagħti l-poter lill-Bank Ċentrali Ewropew biex ineħħi liċenzja.
Fl-ittra tagħhom, l-MEPs taw spjegazzjoni legali li wasslithom biex jagħmlu din it-talba.
L-MEP David Casa qal "L-arrest ta’ Hasheminejad ma seħħx b’kumbinazzjoni. Ħadd ma kien sorpriż b’din l-arrest. Il-Bank Pilatus ilu fiċ-ċentru ta’ allegat korruzzjoni u ħasil ta’ flus marbutin mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Malti sa minn meta nfetaħ fl-2014. Dan kien magħruf mal-awtoritajiet mill-inqas mill-2016, u l-informazzjoni ilha fid-dominju pubbliku aktar minn sena."
L-MEPs innutaw li l-passi li ħadet l-MFSA sa issa ma jinkludux it-tneħħija tal-liċenzja biex il-Bank Pilatus jibqa’ jaħdem bħala Bank. Fl-ittra tagħhom lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi, l-MEPs li kienu ġew Malta biex jinvestigaw is-saltna tad-dritt qalu: “Jiddispjaċina li wara xhur sħaħ ta’ avviżi u allegazzjonijiet dwar l-integrità u l-konformità tal-attivitajiet tal-Bank Pilatus mal-liġijiet Ewropej, ma ttieħdet ebda azzjoni mill-aġenziji Maltin jew Ewropej li jassiguraw l-integrità tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea."
David Casa sostna li l-fatt li dan il-Bank qed jitħalla għaddej bil-liċenzja qed jirriskja li jkompi għaddej bl-attività kriminali, u għalhekk il-bank għandu jingħalaq darba għal dejjem.