Mill-Manikata tista' tispiċċa n-Nadur

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li l-aħħar studji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex qed jindikaw il-Manikata u n-Nadur bħala d-dħul u l-ħruġ

L-aħħar studji dwar il-mina proposta li tinbena bejn Malta u Għawdex qed jindikaw li din tista’ tibda mill-Manikata biex minn hemm sewwieq isib ruħu n-Nadur.

Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg fejn saħaq ukoll li l-istudji jinsabu fi stadju avvanzat u li dalwaqt se jibdew studji aktar fil-fond dwar minn fejn se tibda u tispiċċa l-mina.

Il-Ministru spjega li l-mina se tkun madwar 13-il kilometru twila, anke jekk l-istudji għadhom mhux konklużi. Il-mina x’aktarx li jkollha karreġġjata fuq kull naħa u tista’ tilqa’ sa 6,500 vettura kuljum. Se tkun 500 metru wiesgħa.

Fi kliem il-Ministru, il-Gvern mhux qed jikkunsidra biss iżda għandu r-responsabbilità li jassigura li jkun hemm mina li tgħaqqad liż-żewġ gżejjer.

Il-Ministru ħabbar ukoll li d-disinn tal-mina dalwaqt jibda hekk kif fil-futur qrib se tkun ippubblikata sejħa ta’ interess.

Il-mudell li x’aktarx se jintuża huwa dak fejn kuntrattur ikun responsabbli mid-disinn, il-bini u l-operat tal-mina, għalkemm qal li għadu kmieni biex wieħed jagħti stima ta’ kemm se jkun qed jiswa dan il-proġett.

Enfasizza li l-ħarsien ambjentali se jkun il-prijorità meta jkunu ddisinjati l-punti tal-ħruġ u d-dħul għal mina waqt li saħaq li l-Gvern se jkun qed jikkummisjona rapport dwar l-impatt ambjentali.

L-iskavar biss jista' jdum tliet snin

Min-naħa tiegħu, espert Norveġiż li qed jaħdem fuq il-proġett u għandu esperjenza kbira fl-bini tal-mini li jgħaqdu l-gżejjer, qal li għolja tkun ideali bħala l-punt tad-dħul u l-ħruġ tal-mina, mhux biss għax l-ispejjeż jonqsu imma anke għax tħalli l-inqas impatt.

Qal ukoll li x-xogħol tal-iskavar waħdu jista’ jieħu sa tliet snin. Wara jkun għad fadal madwar sena u nofs biex isiru l-instalazzjonijiet.

Min-naħa tiegħu, Franco Mercieca li qed imexxi l-kumitat responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġett, qal li l-mina hija importanti ħafna għax bħalissa Għawdex jikkontribwixxi biss għal 5% tal-ekonomija Maltija u għalhekk saħaq li mill-bini tal-mina se tgawdi l-ekonomija kollha.

Dan apparti li fi kliemu se jgawdu mill-mina ħafna żgħażagħ Għawdxin li jkollhom iħallu d-dar biex jinżlu jaħdmu Malta.

More in Politika