'L-aqwa fl-Ewropa'... imma mhux fil-pagi
B’żieda ta’ €4.50 fis-siegħa fi 13-il sena, il-ħaddiema Maltin huma fost l-inqas imħallsa fl-Unjoni Ewropea
minn Yendrick Cioffi
Fi 13-il sena, il-paga medja li l-ħaddiema Maltin jaqilgħu kull siegħa żdiedet b’€4.50.
Fl-2015, il-ħaddiema Maltin kienu jaqilgħu medja ta’ €8.30 kull siegħa. Sas-sena li għaddiet, kull siegħa, kienu jitħallsu medja ta’ €12.80.
Fil-fatt, meta wieħed iħares lejn l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat, jinduna li l-ħaddiema Maltin huma fost l-inqas imħallsa fl-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li fl-2017, il-ħaddiema Maltin kienu qed jaqilgħu €12.80 fis-siegħa, il-medja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, sas-sena li għaddiet, kienet ta’ €23.10 fl-Unjoni Ewropea u €26.90 fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Dan ifisser, li l-ħaddiema Maltin jaqilgħu €10.30 inqas mill-ħaddiema fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewroepa u €14.10 inqas minn dawk tal-pajjiżi li għandhom l-Ewro.
Għalkemm xorta taħt il-medja Ewropea, il-ħaddiema Ċiprijotti, Sloveni, Spanjoli u Taljani jitħallsu aktar mill-ħaddiema Maltin kull siegħa.
Il-ħaddiema li għandhom l-inqas paga fis-siegħa huma dawk Bulgari, Rumeni u Pollakki filwaqt li l-aktar li jitħallsu huma dawk fil-Lussemburgu, id-Danimarka u l-Beġju.
Fil-Lussemburgu, sal-2016, il-ħaddiema kienu jitħallsu medja ta’ €43.80. Dawk fid-Danimarka kienu jitħallsu €38.70 fis-siegħa u l-Belġjani €37.90.
Kemm il-ħaddiema Franċiżi u anke dawk Olandiżi kienu jitħallsu aktar minn €30 fis-siegħa.
Taħt nett tal-lista, il-Bulgari jitħallsu €5.10 fis-siegħa, ir-Rumeni €5.50 fis-siegħa u l-Pollakki €6.30 fis-siegħa.
Meta l-istatistika titqabbel mal-2007, il-ħlas tal-ħaddiema kull siegħa żdied fil-pajjiżi kollha, ħlief għall-Greċja li naqas bi ftit aktar minn €1.00 u anke fir-Renju Unit fejn il-ħlas tal-ħaddiema kull siegħa naqas minn €27.30 għal €25.50.
‘Mhux kulħadd qed jiggwadanja l-istess mill-ġid li qed jinħoloq’
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay saħaq mal-gazzetta ILLUM li wieħed ma għandux jintilef iqabbel il-paga medja f’Malta ma’ dik ta’ pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea iżda saħaq li jkun aktar għaqli kieku s-saħħa tal-pagi tkun imkejla fuq il-Household Budgetary Survey, ippubblikat ftit tal-ġimgħat ilu.
Dan l-istħarriġ jagħti ħarsa fuq kemm jonfqu l-familji Maltin, fosthom f’ikel, xorb u anke kera.
Mistoqsi reazzjoni dwar dan ir-rapport, McKay insista li wieħed ma jistax jifred dan mill-kuntest f’Malta, jiġifieri l-fatt li r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqset fost l-etajiet kollha u għandek ekonomija li qed tikber u li hija waħda mill-ewwel ekonomiji li bdiet tirkupra wara l-kriżi finanzjarja.
Kompla jispjega li meta wieħed jifli sew l-indikaturi, jinduna kif kien hemm tnaqqis b’saħħtu fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali u baqgħet l-istess ir-rata ta’ dawk li huma biss fir-riskju tal-faqar.
Iżda statistiċi juru żieda marġinali fost dawk li jaħdmu u li huma f’riskju ta’ faqar. Anke jekk it-tkabbir huwa wieħed żgħir (minn 5.4% fl-2015 għal 5.8% fl-2016), wieħed ma għandux jinjora dan il-fatt. Irriżulta wkoll li ż-żieda fost dawk il-persuni li jaħdmu u li xorta huma fir-riskju tal-faqar hija fost l-irġiel,
Kien hawn li McKay tkellem dwar il-paga minima nazzjonali, u insista li għalkemm kien hemm ċaqliq żgħir dan ma kienx biżżejjed, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra l-prezzijiet tal-lum ‘tal-baskett tal-affarijiet neċċessarji,” partikolarment l-ikel u l-kiri tad-dar.
Il-proposta tal-Kampanja Minima Diċenti kienet li l-paga minima nazzjonali tiżdied bi 11% fuq perjodu ta’ tliet snin. Dan ifisser li l-paga minima fis-siegħa, tiżdied minn €4.20 għal €4.66.
Saħaq li għalkemm qed nitkellmu fuq ftit ċenteżmi, fuq paga ta’ xahar din se tagħmel differenti, apparti li din se tagħmel pressjoni akbar li minnha se jgawdu l-aktar dawk bi dħul baxx.
“Bl-influss tal-ħaddiema barranin ċertu setturi baqgħu b’pagi baxxi”
Il-gazzetta tkellmet ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella, li saħaq kif minn analiżi li għamlet il-unjin fuq il-valur miżjud, jiġifieri kif jitkejjel il-Prodott Gross Domestiku, irriżulta li r-rata ta’ tkabbir fil-valur miżjud huwa frott “iż-żidiet qawwija” fil-profitti tan-negozji u mhux daqstant għal żidiet fil-paga.
Vella fakkar ukoll li fl-aħħar ħames snin is-suq tax-xogħol inbidel ħafna fosthom b’influss qawwi ta’ ħaddiema barranin.
“B’dan l-influss il-pagi fis-setturi bħall-catering u l-kura soċjali baqgħu baxxi u jidher li l-Gvern irid jagħti aktar permessi tax-xogħol għal persuni minn pajjiżi terzi,” saħaq Vella. “Il-pagi baxxi wasslu biex setturi bħall-catering, lukandi u oħrajn iżidu l-qligħ għalihom mingħajr l-biża’ li jiżdiedu l-pagi.”
Kien għalhekk li meta mistoqsi jekk jaħsibx li l-paga medja tirriflettix it-tkabbir ekonomiku, Vella insista li “fit-tkabbir ekonomiku l-aktar li gawdew minnu huma n-negozji.”
Kompla jisħaq li meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-Household Budgetary Survey jinduna li paga medja ta’ €12.80 mhux biżżejjed biex familja tgħix komdu meta tqis li l-ispiża medja ta’ familja hi ta’ €22.360 fis-sena u d-dħul medju huwa €22.346.
Saħaq ukoll li numru kbir ta’ ħaddiema, madwar 74,500, ma jaqilgħux aktar minn €20.000 fis-sena.
“Dan juri d-distakk li qed nesperjenzaw f’pajjiżna fil-kwalitá ta’ ħajja bejn dawk li jaħdmu f’setturi bħal dak finanzjarju jew igaming u dawk li jaħdmu jew fil-manifattura jew f’setturi oħrajn,” qal Vella waqt li saħaq fuq l-importanza ta’ negozjati kollettivi.
“Hemm pagi li żdiedu ferm aktar minn oħrajn”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union insista għalkemm l-istatistika turi ż-żieda medja f’kull siegħa, kull ħaddiem membru f’unjin jaf li huwa jista’ jinnegozja u jikseb kundizzjonijiet u pagi aħjar.
Ma’ din il-gazzetta, Bugeja fakkar li l-mudell adottat f’Malta dwar dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet industriajli, jagħti l-opportunità lill-unjins li jinnegozjaw b’mod indipendenti f’kull post tax-xogħol.
Kien hawn li spjega li kull ftehim kollettiv ikun tfassal u maqbul skont il-ħtieġa u s-saħħa tal-post tax-xogħol partikolari.
“F’dan il-kuntest l-istatistika maħruġa turi ż-żieda medja f’kull siegħa, dan ifisser li għandek pagi li żdiedu ferm aktar minn oħrajn,” saħaq Bugeja.
Iżda meta mistoqsi x’jaħseb dwar il-paga medja f’Malta fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku, Bugeja wieġeb biss li l-GWU temmen li l-paga mogħtija għandha tirrifletti l-ħiliet, l-abbilitajiet u r-responsabbilità tal-ħaddiem jew klassi tal-ħaddiema waqt li jirriflettu wkoll il-valur miżjud