Bħalissa s-seduta tinsab sospiża sakemm id-Deputat Speaker, Claudette Buttigieg, tiddeċiedi dwar ir-ruling.
Aktar qabel
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq talba fil-Parlament biex jitressaq l-aġġornament tal-Kamra u minflok issir diskussjoni fuq l-allegazzjonijiet ippubblikati lbieraħ dwar il-Ministru Chris Cardona.
Midja internazzjonali, li huma parti mill-konsorzju internazzjonali magħmul minn 18-il organizzazzjoni tal-midja, bħala parti mill-Proġett Daphne, qalu li l-Ministru Cardona deher jixrob ma’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu, f’bar fis-Siġġiewi, f’Novembru li għadda.
Degiorgio huwa wieħed mit-tliet akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fit-talba tiegħu, Delia insista li d-diskussjoni fuq dak li rrappurtat il-midja dwar il-Ministru Chris Cardona hija ta' importanza pubblika urġenti.
“Huwa l-interess tan-nies li ssir din id-diskussjoni fil-Parlament dwar din l-allegazzjoni serja li saret minn konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti dwar il-Ministru Chris Cardona,” saħaq Delia. “In-nies jixirqilhom li jkunu jafu l-verità sħiħa.”
Temm jisħaq li ħadd mhux se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jagħmel il-mistoqsijiet li n-nies qed jistennew risposti għalihom.
Enfasizza li dan huwa l-mument fejn Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ma tibqax issir ħsara lir-reputazzjoni ta' Malta.
Chris Cardona lbieraħ ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li huma biss spekulazzjonijiet u għidut.