Avviż ta’ żgombru għal opri tal-baħar fix-xatt tal-Kalkara
L-awtoritajiet tal-Gvern Malti niżlu l-Kalkara u waħħlu diversi avviżi ta’ żgumbrar fuq bċejjeċ tal-baħar
More in Politika
L-awtoritajiet tal-Gvern Malti niżlu l-Kalkara u waħħlu diversi avviżi ta’ żgumbrar fuq bċejjeċ tal-baħar
Fi tmiem in-niżla ta’ Triq ix-Xatt, li twasslek għax-xatt pittoresk Kalkariż, hemm żona li hi magħrufa bħala, tax-Xewkija. Preżentement f’din iż-żona, li tlaqqa’ flimkien il-belt storika tal-Birgu mar-raħal kwiet tal-Kalkara hemm numru ta’ karrijiet, opri tal-baħar u oġġetti oħra mitluqin fiż-żona u li qed ikerrhu mhux ftit id-daħla tal-Kalkara.
Apparti mill-istat ta’ rovina li ħafna minn dawn l-karrijiet u bċejjeċ tal-baħar jinsabu fihom, il-maġġoranza tagħhom huma wkoll mingħajr l-ebda indetifikazzjoni, jiġifieri numru jew identifikazzjoni tas-sid.
Għalhekk din il-ġimgħa l-awtoritajiet tal-Gvern Malti niżlu l-Kalkara u waħħlu diversi avviżi ta’ żgumbrar fuq dawn l-oġġetti.
Ikkuntattjata mill-gazzetta ILLUM, is-Sindku Kalkariża Speranza Chircop saħqet li,“in-nies Kalkariżi kienu ilhom igergru fuq dawn l-oġġetti u għalkemm ma kienx il-Kunsill li ħareġ l-ordni ta’ infurzar xorta waħda jilqa’ dan l-iżvilupp.”
Skont l-avviż (ara ritratt), is-sidien ta’ dawn bċejjeċ tal-baħar għandhom ġimgħa ċans sabiex iħottu l-proprjetà privata tagħhom. Jekk fil-ħin stipulat mill-awtoritajiet ikkonċernati dan ma jsirx, il-Pulizija ma jkunx fadlilha għażla ħlief li tuża l-forza bl-iżgombru jagħmel tajjeb għalih sid l-proprjetà.
Skont il-liġi attwali l-awtoritajiet jistgħu jiddisponu minn kull oġġett ta’ ingombru li jkun qiegħed joħloq xi diżordni, inkonvenjent jew ostaklu u li jkun qiegħed f’post jew f’żona li fiha ma jkunx permess.